Talba ghal protezzezjoni mill-Parlament - 19/07/05

ONOR. JUSTYNE CARUANA:   Sur President, nagħmel riferenza għal paġna 11 tal-ħarġa tal-lum tal-gazzetta “in-nazzjon”, fejn hemm artiklu tas-Sur Euchar Mizzi li qed jgħid li jiena ma lissintx kelma  waħda dwar l-emenda kostituzzjonali fuq  Għawdex. Dan tant mhux minnu li jiena anke ħadt l-aġġornament tat-12 ta’ Lulju u rriferejt ukoll għal diversi kummenti li tajt lill-ġurnali,  li saħansitra jmorru lura sa Awissu tas-sena l-oħra.  

Dwar l-interventi tal-Ġimgħa, 7 ta’ Lulju, jiena spjegajt li hi regola tal-grupp parlamentari Laburista  li meta jkun hemm materja importanti li  tkun se tiġi diskussa f’seduta waħda fil-Kamra,  jitkellmu biss il-kelliem ewlieni u l-kap ta’ l-oppożizzjoni – dan  jista’ faċilment jikkonfermah l-Onor. Joe Mizzi, il-whip tal-grupp - u allura dak li ġie rrapportat fil-ġurnal “in-nazzjon” huwa ħafna ‘l bogħod mill-verita’.   Kull meta kien hemm lok li nitkellem f’dan il-Parlament, jien dejjem tkellimt u allura qed nitlob lis-Sedja sabiex tieħu l-miżuri kollha opportuni għax mhuwiex aċċettabbli li xi ħadd minn barra l-Parlament ikompli jippersisti b’dak li qed jgħid meta manifestament huwa skorrett, bħallikieku qisna m’aħna  qegħdin ngħidu xejn hawn ġew.  

Sur President, nitlob il-protezzjoni tiegħek, bil-forza kollha li tagħtini l-liġi – qed nirriferi għal subinċiż (4), paragrafu (k) ta’ Artiklu 11 ta’ Kap. 113 tal-Liġijiet ta’ Malta – u bil-forza kollha tad-demokrazija li teżisti f’dan il-pajjiż.  

MR SPEAKER:   Grazzi. Kull membru parlamentari huwa liberu li jesprimi l-opinjoni tiegħu u s-Sedja tipproteġih bis-sħiħ dan id-dritt.  

Ngħaddu għall-Ordnijiet tal-Ġurnata.  

 

© 2007 - Justyne Caruana