|
|
||||
|
Mistoqsija Supplimentari rigward teatru Astra - 08/05/06 |
||||
|
TEATRI ASTRA U AURORA 18657. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18327 u r-risposta relattiva, ma jaħsibx il-Prim Ministru li tali attivitajiet - qed nirriferi għall-opri liriċi li jittellgħu fl-Astra u l-Aurora u li jagħtu kontribut konsiderevoli għax-xena kulturali lokali - għandhom jikkwalifikaw għall-eżenzjoni mill-VAT, aktar u aktar meta tqis li ħafna drabi dawn isiru b’telf? ONOR. ANTHONY ABELA (f'isem il-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi): L-attivitajiet tat-teatri ma jikkwalifikawx għall-eżenzjoni mill-VAT peress li skond artiklu 5 tal-liġi tal-VAT, teatru huwa meqjus bħala persuna li twettaq attivita’ ekonomika, ikun x’ikun ir-riżultat jew l-għan ta’ dik l-attivita’. Ladarba t-teatri jiġbru l-VAT, jistgħu dejjem inaqqsu dak l-input li l-liġi tal-VAT tippermettilhom li jagħmlu kontra d-dħul ta’ l-attivita’ ekonomika tagħhom. MR SPEAKER: L-Onor. Caruana , mistoqsija supplimentari. ONOR. JUSTYNE CARUANA : Hemm il-ħsieb li 'l quddiem it-teatri jiġu eżentati mill-ħlas tal-VAT, peress li dawn jikkontribwixxu ħafna għax-xena kulturali ta' pajjiżna? MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari. ONOR. ANTHONY ABELA: Apparti l-fatt li nofs l-attivitajiet kummerċjali f'Malta huma b'xi mod assoċjati mal-kultura, fil-preżent m'aħniex f'pożizzjoni li neżentawhom mill-VAT. ONOR. JUSTYNE CARUANA : Imma dan il-fattur ma jistax jiġi kkonsidrat ladarba qegħdin nitkellmu fuq opri liriċi li jittellgħu biss xi darbtejn f’sena?
MR SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. LAWRENCE GONZI (Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi): Sur President, il-gvern qiegħed jistudja l-punt li qed taċċenna għalih l-Onor. Caruana . Ma jidhrilniex li s-soluzzjoni dwar kif nistgħu ngħinu l-qasam kulturali trid bilfors tkun eżenzjoni mill-ħlas tal-VAT, peress li miżura bħal din tista' tiftaħlek baħar sħiħ ta' attivitajiet oħra li mhux neċessarjament inkunu qegħdin nagħtuhom priorita'. Naturalment huwa fatt rikonoxxut li ż-żewġ teatri li għandna f’Għawdex qegħdin jagħtu kontribut kbir. Dan qed isir permezz ta’ sens qawwi ta' kontribut mill-volontarjat li jsir miż-żewġ każini tal-baned u l-gvern qiegħed jikkonsidra metodi ta' kif jista' ikompli jgħin lil dawn l-għaqdiet. Qed ngħid "ikompli jgħin" għax irrid nenfasizza li l-gvern diġa' qiegħed jagħti l-għajnuna tiegħu, pero’ qed jistudja mod kif jista’ jgħin aktar. Naturalment meta jasal il-mument inkunu nistgħu nħabbru d-deċiżjonijiet tagħna dwar dan, Sur President.
|
||||
|
©
2007 - Justyne Caruana
|