Diskors tal-Budget - Edukazzjoni, Zghazagh u Impjieg nhar 30.10.06

ONOR. JUSTYNE CARUANA:   Sur President, il-ministeru li qed niddiskutu llum huwa wieħed mill-aktar importanti għax iħaddan fih is-settur ta' l-edukazzjoni, żgħażagħ u sports u anke ta' l-impjiegi. Dawn huma setturi li għalina bħala oppożizzjoni Laburista huma fondamentali u li dejjem ħdimna bis-sħiħ sabiex nagħtuhom l-attenzjoni li jixirqilhom.  L-Onor. Abela, - li nirringrazzja ta' l-intervent li għamel - ovvjament elabora bl-iktar mod ampju u eċċellenti dwar is-settur edukattiv, u min-naħa tiegħi se nitkellem dwar is-settur taż-żgħażagħ u l-isport li għalina bħala partit huma importanti ħafna wkoll.  

Nixtieq nibda billi nirreferi għal diskors li kien għamel il-prim ministru aktar kmieni din is-sena waqt attivita` politika fejn kien qal li l-partit Nazzjonalista kien qed joffri liż-żgħażagħ avventura u esperjenzi eċċitanti. Meta kont smajt dan il-kliem  kumbinazzjoni kellna attivita` tal-partit li kienet għaż-żgħażagħ, u kont semmejthielhom din! Għedtilhom: Il-gvern preżenti veru qed joffri l-avventura għax biex issib xogħol illum qisek qed tagħmel xi ħaġa kbira, qisek mort għal xi expedition ġol-ġungla jew ġod-deżert, jew qisek qed tagħmel treasure hunt għax, bħalma nafu, l-opportunitajiet saru iktar rari u meta ssib xogħol, qisek sibt teżor!  Qed nirreferi partikolarment għal Għawdex fejn l-opportunitajiet huma iktar limitati. Nista' nassigurak li meta għaddejt dan il-kumment m'għedtux b’sens umoristiku jew biex inkun sarkastika imma għar-raġuni li, sfortunatament għal ħafna żgħażagħ, iż-żogħżija m'hijiex żmien la ta' avventura u lanqas ta' eċċitament, imma żmien diffiċli ħafna.    

Għalkemm forsi ħafna nies jaraw liż-żgħażagħ bħala happy go lucky, għal ħafna minnhom din hija biss faċċata, u meta tidħol fil-fond tirrealizza kemm hawn problemi diversi.  Dawn il-problemi qed jiġu manifestati b'modi differenti, fosthom b’żieda ta' l-abbuż tad-droga u ta' l-alkoħol, b’żieda f'każijiet ta' vjolenza kemm meta ż-żgħażagħ ikunu perpetraturi kif ukoll bħala vittmi, u b’inċidenza iktar għolja ta' mard u kondizzjonijiet psikoloġiċi.  Proprju ftit tal-ġranet ilu f'dan il-parlament konna qegħdin niddiskutu l-emendi dwar ix-xorb alkoħoliku fost il-minuri, u mid-diskorsi kemm ta' naħa kif ukoll ta' naħa oħra, inkluż dak tal-ministru, spikkaw dawn il-problemi li niltaqgħu magħhom u li lkoll kemm aħna ninkwetaw ħafna dwarhom. Ma jfissirx li għandna naqtgħu qalbna minn dawn il-problemi, anzi għandna naħdmu iktar biex liż-żgħażagħ tagħna nagħtuhom direzzjoni u, iktar minn hekk, naħdmu bis-sħiħ biex noħolqu l-opportunitajiet għalihom biex jilħqu l-potenzjal massimu possibbli tagħhom.  Hemm bżonn li liż-żgħażagħ tagħna ngħinuhom sabiex jifformaw ruħhom f'ċittadini responsabbli, ta' karattru sod u anke ta' ċerta fibra morali biex pajjiżna jkollu soċjeta` futura fejn jispikkaw il-valuri t-tajba.  

F'dan il-kontest nixtieq insemmi d-dokument tal-partit Laburista li għadna kemm varajna dwar is-setturt taż-żgħażagħ.  F'dan id-dokument poġġejna liż-żgħażagħ fiċ-ċentru ta' l-attenzjoni tagħna, xi ħaġa li fil-fehma tagħna l-gvern preżenti mhux qed jagħmel daqshekk tajjeb.   Meta niddeskrivi dan id-dokument inħobb ngħid li qisna qed inpoġġu liż-żagħżugħ u liż-żagħżugħa fin-nofs, u qed induru magħhom 360 degrees.  Qed nindirizzaw kemm jista' jkun problemi li jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ fis-soċjeta` tal-lum?  Fil-fatt jekk wieħed jara d-dokument isib li r-range ta' topics hija wiesgħa ħafna u hija proprju intiża biex liż-żgħażagħ nuruhom li jinteressana minn xiex qegħdin jgħaddu u qed nittrażmettu l-messaġġ li aħna kommessi li nindirizzaw dawn il-problemi.    

Qed ninsistu ħafna fuq ix-xogħol, fuq l-edukazzjoni f'kull livell, inkluż dak terzjarju, u fuq il-bżonn ta' taħriġ kontinwu. Fil-fatt qed nitkellmu wkoll fuq fond nazzjonali għat-taħriġ. Fid-diskors tal-budget l-prim ministru qal li x-xogħol huwa ċ-ċavetta ewlenija li tagħti għajxien u dinjita` lill-ħaddiema. Aħna bħala oppożizzjoni ilna ż-żmien ngħiduha din u nemmnuha bis-sħiħ, pero` minkejja dan id-diskors sabiħ u rettoriku, is-sitwazzjoni m'hijiex qed tiġi għall-aħjar għax il-karba għax-xogħol qiegħda tiżdied u mhux qed tonqos.  Minkejja li l-gvern qed joħroġ jiftaħar kemm żdiedu l-impjiegi part-time, lili personalment din qed tinkwetani mhux ħażin għax iktar ma jgħaddi ż-żmien l-impjiegi part-time iktar qed isiru l-uniku mezz ta' għajxien għal ħafna żgħażagħ.    

Fil-fatt għandna konferma mill-prim ministru stess f'paġna 71 tal-budget fejn qed jgħidilna li x-xogħol part-time bħala xogħol prinċipali sar element ewlieni fl-ekonomija tagħna. Pero` assolutament ma naqbilx li dan qed isir per scelta, kif qed jipprova jbellagħhielna l-prim ministru. Din iż-żieda hija attribwibbli għall-fatt li ħafna nies, inklużi ż-żgħażagħ, mhux qed jirnexxilhom isibu impjieg full-time minħabba n-nuqqas ta' opportunitajiet ta' xogħol.  Ċertament m'hijiex per scelta li inti tmur għall-impjieg part-time, fejn għandek dħul gross fis-sena ta' madwar Lm2,500 fis-sena, somma li m'hijiex biżżejjed biex persuna tgħix denjament u dinċentement, aħseb u ara kemm hija adegwata għal żagħżugħ jew żagħżugħa li qed jippjanaw biex jibnu u jżommu familja.  

Sfortunatament jeżisti wkoll sfruttament taż-żgħażagħ fejn, minkejja li l-ħinijiet tax-xogħol u l-kondizzjonijiet ikunu dawk ta' full-time, min iħaddem jiddikjara li qed iħaddem lil dawn iż-żgħażagħ bħala part-timers.  Ovvjament dan jimplika li min iħaddem ikun qed iċaħħad id-drittijiet ta' dawn l-impjegati meta fir-realta` jkunu qed jaħdmu ħinijiet ta' full-time.  Allura fid-dokument tagħna qed ngħidu li bħala gvern Laburista ġdid se nkunu viġilanti sabiex ma jseħħux dawn it-tip ta' abbużi għad-detriment tal-ħaddiema, speċjalment żgħażagħ li jkunu iktar vulnerabbli minħabba l-inesperjenza tagħhom.  

Hemm diversi tipi ta' abbużi oħrajn li jkollhom jissubixxu ż-żgħażagħ tagħna.  Per eżempju tiltaqa' ma' każijiet fejn jgħidulek li kellhom jaċċettaw impjiegi fejn il-paga kienet inqas minn Lm1 fis-siegħa, altrimenti jitkeċċew 'il barra mix-xogħol.  Ma jistax ikun li jibqgħu iseħħu dawn l-abbużi u kollox jibqa' għaddej qisu xejn m'hu xejn. Kulħadd għandu dritt għax-xogħol, pero` ħadd m'għandu dritt li jabbuża mis-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' xogħol a skapitu ta' persuni li jridu u li għandhom bżonn jaħdmu, iktar u iktar meta għandna lil dawn iż-żgħażagħ li ma jkollhomx dik l-esperjenza u ma jkunux kapaċi jiddefendu ruħhom f'dawn iċ-ċirkostanzi.  

F'Għawdex speċjalment qed tirrenja sitwazzjoni bħalissa fejn għandek żgħażagħ gradwati mill-universita` li qed jispiċċaw jagħmlu xogħol li għalih huma overqualified.  Mill-kuntatti li jkolli naf li sfortunatament dawn iż-żgħażagħ qed iħossuhom degradati u qed jaffettwahom anke moralment.  Jiena mhux l-ewwel darba li tkellimt dwar żgħażagħ li qegħdin jemigraw, mhux lejn pajjiżi Ewropej imma lejn l-Amerika u l-Istati Uniti.  Filwaqt li nagħmilha ċara li jien favur li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom il-liberta` li joħorġu barra minn xtutna, nikkundanna din it-tip ta' emigrazzjoni sfurzata. Qed ngħid "sfurzata" għaliex dawn qed isiefru mhux għax iridu imma għax f'pajjiżna mhux qed isibu dawk l-opportunitajiet li jixtiequ u li ħadmu għalihom.  Naħseb li dan qed joħloq sitwazzjonijiet familjari fejn ikollok il-firda u konsegwenza ta' dan iktar 'il quddiem se nbatu wkoll minn problema ta' brain drain li l-pajjiż diġa` bata minnha fis-snin passati.  

Ħsiebna jmur ukoll għal dawk iż-żgħażagħ li qed jirreġistraw għax-xogħol.  Daż-żmien saret xi ħaġa komuni li għal kull ħaġa ta' xejn jinqatgħu minn fuq ir-reġistru.  Ovvjament m'iniex qed nirreferi għal min hu traskurat, għax min hu traskurat fir-registrar ikun anke traskurat fuq ix-xogħol, imma qed nirreferi għal każijiet li jkunu ġenwini u li jiġu kkonfermati li huma ġenwini għax meta jappellaw, il-każijiet jirbħuhom.  Allura qed nappella biex fejn ikun hemm każijiet ġenwini nkunu aktar prattiċi u fl-istess waqt inkompli nħeġġeġ biex ma nittollerawx abbużi.  Fil-kontest ta' l-appell nixtieq ngħid li qed ikun hemm dewmien fil-kawżi ta' l-appell u hemm bżonn li jkun hemm iktar speditezza fil-proċess.    

B'riferenza għas-settur taż-żgħażagħ mil-lat ta' ministeru, qed jinħass li s-sezzjoni taż-żgħażagħ m'hijiex qed taħdem kif wieħed jixtieq. Għalkemm il-kelma żgħażagħ tiffigura bħala diċitura fit-titolu tal-ministeru, xorta jinħass li ż-żgħażagħ mhux qed jingħataw biżżejjed attenzjoni minħabba r-responsabbiltajiet vasti li għandu dan il-ministeru.  Fil-fatt jekk wieħed jidħol fil-website tal-ministeru taħt il-links structure, lanqas biss tissemma s-sezzjoni taż-żgħażagħ. Fid-dokument tagħna, li aċċennajt għalih aktar qabel, tkellimna b'mod estensiv fuq dan il-qasam u nemmnu li għandu jingħata prijorita` assoluta. Qed ngħidu wkoll li gvern Laburista ġdid b'mod konkret u immedjat jagħti l-għajnuna politika neċessarja lill-ministeru responsabbli għaż-żgħażagħ sabiex jiffoka fuq il-qasam taż-żgħażagħ.  Qed nenfasizzaw ukoll li hemm bżonn li s-servizzi għaż-żgħażagħ ikunu ċentralizzati.  

Għal dan il-għan u fl-ispirtu tal-konċett ta' one-stop shop, qed nipproponu li f'kull ministeru jkun hemm persuna appuntata sabiex fost il-ħidmiet tagħha tkun qed taqdi r-rwol ta' youth coordinator fil-ministeru rispettiv, u din il-persuna tkun qed iżżomm kuntatt kontinwu mas-sezzjoni responsabbli miż-żgħażagħ fi ħdan il-ministeru responsabbli għaż-żagħżagħ. Din il-proposta qed norbtuha wkoll ma' l-ETC u kull enti oħra li toffri servizzi għaż-żgħażagħ.  Ovvjament l-idea wara din il-faċilita` hija li titnaqqas il-burokrazija u niffaċilitaw il-proċeduri għaż-żgħażagħ tagħna. Per eżempju, żgħażagħ Għawdxin assolutament m'għandhom l-ebda kuntatt dirett ma' din is-sezzjoni, imma permezz ta' din l-proposta wieħed imur il-ministeru għal Għawdex u tramite l-youth coordinator ikollu kull aċċess għas-servizzi kollha available għaż-żgħażagħ.    

Qed nitkellmu wkoll fuq ċentru nazzjonali għaż-żgħażagħ li għandu jservi għaż-żagħżagħ kollha li jkunu jixtiequ jorganizzaw attivitajiet. Barra minn hekk qed nipproponu wkoll li niċċentralizzaw l-amministrazzjoni u t-tmexxija ta' l-entijiet kollha mhux governattivi taż-żgħażagħ li ovvjament ikunu jixtiequ jkunu preżenti f'dan iċ-ċentru, f'bini wieħed minflok li jkunu mifruxin 'l hawn u 'l hemm kif inhu l-każ illum.  Dan iċ-ċentru, kif qed nipproponuh aħna, għandu joffri spazju kemm għal laqgħat u konferenzi kif ukoll spazju għall-għaqdiet taż-żgħażagħ li jkunu jixtiequ jużaw dan iċ-ċentru.  Ovvjament ikun post addattat u adegwat fejn iż-żgħażagħ u r-rappreżentanti tagħhom jiltaqgħu fuq bażi regolari biex itejbu s-servizz u l-ħidma tagħhom.  Dan qed ngħiduh bħala komplimentar għaċ-ċentri fil-komunita`, l-empowerment centres.  Fi stadju iktar fit-tul qed ngħidu li għandu jkun hemm ukoll ċentru Ewropew għaż-żgħażagħ li jkun fuq il-binarji ta' dak li hemm fi Strasbourg u f'Budapest, pero` dan jeħtieġ studju iktar fit-tul anke permezz ta' ħidma fuq finanzjament mill-Ewropa.  

F'dan id-dokument għandna ħafna proposti interessanti li huma mmirati sabiex filwaqt li ntejbu l-kwalita` tal-ħajja taż-żgħażagħ noffrulhom kull spazju possibbli sabiex nimxu iktar lejn ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ.  Fil-preżent jidher li għandna problema biex nippromwovu dan il-konċett, u ħafna żgħażagħ sfortunatament qed joqogħdu lura. Jien personalment inkwetajt ħafna bin-nuqqas ta' parteċipazzjoni li kien hemm din is-sena fil-parlament taż-żgħażagħ organizzat mill-kunsill nazzjonali taż-żgħażagħ fejn, ikkomparata mas-sena ta' qabel, il-parteċipazzjoni naqset sostanzjalment. Fil-fatt waqt l-interventi li kont għamilt kont issuġġerejt lill-kunsill nazzjonali taż-żgħażagħ sabiex jagħmel iktar kampanji promozzjonali dwar l-eżistenza tiegħu għax hija ħasra li għandek organu fil-pajjiż li jaħdem u li suppost huwa l-vuċi taż-żgħażagħ fuq livell ta' amministrazzjoni nazzjonali, imma li sfortunatament iż-żgħażagħ ma jipparteċipawx fih jew, agħar minn hekk, lanqas biss jafu bih.  

Fid-dokument tagħna għandna doża qawwija ta' kontenut soċjali għax filwaqt li nemmnu li għandna ħafna żgħażagħ li huma kapaċissimi u li qed jaħdmu, jirnexxu u jagħmlulna unur, għandna oħrajn li għandhom bżonn l-għajnuna. Qed nirreferi għaż-żgħażagħ bil-vizzji u dawk minnhom li sfortunatament jispiċċaw jiċċappsu mal-kriminalita` biex isostnu l-vizzji tagħhom. Fid-dokument qed insemmu wkoll il-housing u l-fenomenu ġdid ta' żgħażagħ bla dar, li jfisser li hemm bżonn ta' pjan ta' azzjoni dwar dan il-fenomenu ġdid sabiex jiġu ndirizzati dawn il-każijiet li ħafna minnhom ikunu ta' natura proviżorja imma jkunu urġenti. Naf li dawn l-affarijiet jaqgħu taħt ministeru ieħor, pero` xorta waħda qed nagħmel appell sabiex lil dawn iż-żgħażagħ nagħtuhom iktar għajnuna u jekk hemm bżonn issir iktar sinerġija bejn il-ministeri rispettivi sabiex lil dawn iż-żgħażagħ ngħinuhom isibu sens ta' direzzjoni f'ħajjithom u b'rieda tajba jintegraw ruħhom fis-soċjeta`. Bħala partit qed ngħidu li ż-żgħażagħ tagħna huma t-tmun tal-ġrajjiet. Din hija l-għajta tagħna għaliex nemmnu li l-enerġija żagħżugħa tista' tagħtina ġejjieni aħjar.  

Niġi għall-qasam ta' l-isport, Sur President.  Huwa tajjeb li aħna bħala poplu l-ewwelnett inħarsu lejn l-isport bħala divertiment alternattiv għaż-żgħażagħ tagħna u apparti minn hekk, huwa mezz ta' kif aħna ngħixu aktar b'saħħitna. Hija sfortuna li bħala poplu aħna għażżenin fejn tidħol l-attivita` fiżika, u din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn it-tfal tagħna huma fost l-iktar obeżi fid-dinja kif ukoll għandna inċidenza ta' mard relatat mad-dieta u l-lifestyle tagħna. Allura huwa importanti li nippromwovu l-isport biex ikollna poplu iktar attiv u iktar b'saħħtu. Għall-iskop ta' dan id-dibattitu rridu nitkellmu fuq l-isport fuq livell differenti.  Tajjeb ngħidu li dan l-aħħar pajjiżna kellu suċċessi internazzjonali li naħseb kulħadd ħa gost bihom, pero` biex ikollok riżultat tajjeb trid taħdem għalih, u l-atleta waħdu ma jagħmel xejn.    

Sena wara oħra - dan huwa r-raba' budget tiegħi - dejjem nisħaq fuq il-fatt li wasal iż-żmien li nibdew inħarsu lejn l-isport f'pajjiżna b'mod differenti. Ovvjament l-ewwel pass ikun li tkompli titkattar il-kultura sportiva fost iż-żgħażagħ sa minn meta jkunu żgħar. Sena wara oħra jien nistaqsi lill-ministru x'ġara mill-proposta li kienet dehret fuq il-manifest elettorali tal-partit Nazzjonalista dwar l-ispecialised school for youngsterswith exceptional promise in sport, pero` sena wara l-oħra qed nibqa' bla risposta. L-idea ta' din l-iskola speċjalizzata hija tajba ħafna għax tibda trawwem liż-żgħar tagħna li jkunu promettenti f'ambjent sportiv professjonali u fl-istess ħin tkun qed tippreparahom akkademikament.  Pero` jidher li kien item għall-elezzjoni li ntesa dritt wara!  

Il-problema li qed jiffaċċjaw l-atleti tagħna hija li għalkemm it-talent qiegħed hemm, m'għandhomx dik il-possibbilta` li jikkonċentraw biss fuq id-dixxiplina tagħhom.  Fejn barra minn Malta għandek atleti by profession, l-atleti tagħna jridu jikkonċiljaw id-dixxiplini rispettivi tagħhom ma' l-attivitajiet normali li wieħed ikollu matul il-ġurnata, u ovvjament dan inaqqsilhom kemm mill-ħin kif ukoll mill-enerġija tagħhom.  Dan joħroġ ċar meta jkollna kompetizzjonijiet internazzjonali, mhux għax l-atleti tagħna m'humiex tajbin imma għax m'għandhomx dawk il-faċilitajiet li għandhom il-kompetituri tagħhom barranin.  Issa jekk irridu nagħmlu qabża fil-kwalita` ovvjament irridu ninvestu. Barra minn xtutna l-isport jitqies bħala industrija, bit-tajjeb u l-ħażin li din iġġib magħha, pero` meta l-atleti tagħna qed imorru barra biex jikkompetu qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' din l-industrjia.  Allura hemm bżonn li naraw x'nagħmlu.  

Fil-budget ta' xi sentejn ilu ntqal li l-isport huwa importanti wkoll għall-industrija tat-turiżmu, imma dan il-fatt jidher li ma tantx kien hemm ħoss fuqu.  Ovvjament nixtieq insemmi r-Rolex Middle Sea Race li sena wara oħra qed tkun ta' suċċess, pero` dan huwa mertu ta' ħafna nies dedikati u ċertament mhux tal-gvern. Ngħid ukoll li din is-sena naqas bin-nofs il-vot għall-construction, upgrading works and equipment for sport facilities, minn Lm400,000 niżel għal Lm200,000, li ma tantx jawgura tajjeb. Jekk ma jkollniex faċilitajiet adegwati lanqas biss nistgħu noħolmu dwar turiżmu sportiv. Per eżempju, it-team tar-rugby qed jagħtuna ħafna sodisfazzjon, għandhom ħafna pjani għat-turiżmu sportiv, pero` dan il-gvern lanqas biss ipprovdielhom pitch. Ta’ min jgħid ukoll li t-team tar-rugby għandhom il-possibbilta` li jiksbu grant ta’ Stg50,000 mill-internationalrugby board, pero` bil-patt u l-kondizzjoni li jkollhom pitch. Iżda ladarba m’għandhomx pitch lanqas se jikkwalifikaw għal din il-grant.  

Nixtieq insemmi wkoll il-kunsill Malti għall-isport li għandu allokat Lm420,000 għalih waħdu. Meta dan il-kunsill għandu għad-dispożizzjoni tiegħu budget ta’ kważi Lm0.5 miljun wieħed jistenna li jara xi tibdil u xi avvanz, pero` kif għedt fis-snin ta’ qabel u nerġa’ b’wiċċi minn quddiem ngħid din is-sena, jidher li l-kunsill Malti għall-isport għadu ma qabadx art. It’s about time li jaqbad art għax minkejja li qed jiġu ppumpjati Lm0.5 miljun fis-sena, il-kunsill Malti għall-isport mhux qed jaqdi r-rwol tiegħu skond il-liġi dwar l-isport.  Per eżempju, nistaqsi jekk il-kunsill Malti għall-isport huwiex jaqdi r-rwol tiegħu ta’ watchdog fuq il-clubhouses li ngħataw proprjetajiet mill-gvern sentejn ilu. Qiegħed jivverifika jekk dawn il-premises hux qed jintużaw għal skopijiet sportivi u mhux spekulattivi? Fil-fatt meta tmur fuq is-sit tal-gvern dwar l-isport, kultura u divertiment, dan il-kunsill lanqas biss jiffigura. Pero` mbagħad hemm link oħra mill-ministeru ta’ l-edukazzjoni li tidħol f’dan il-kunsill u tinnota li ġurnata wara oħra, xahar wara l-ieħor, sena wara l-oħra, is-sit ma jinbidel qatt, u dejjem jissemmew l-istess affarijiet!  Allura bir-raġun kollu ħafna qed jistaqsu x’inhu effettivament u realment ir-rwol tal-kunsill Malti għall-isport li qed jieħu Lm0.5 miljun fis-sena minn dan il-budget.  

Nixtieq insemmi wkoll il-pixxina nazzjonali f’Tal-Qroqq li kull sena l-gvern jivvota Lm150,000 għaliha. Din il-pixxina se tkun magħluqa bejn is-6 ta’ Novembru u s-6 ta’ Frar tas-sena d-dieħla, u skond mistoqsija parlamentari numru 21071 magħmula mill-Onor. Abela, il-ministru qal li din se tkun magħluqa għax se jkun hemm programm ta’ manutenzjoni. Pero` tajjeb ngħidu li skond mistoqsija parlamentari numru 16541 il-ministru kien qal li l-pixxina kienet magħluqa bejn it-23 ta’ Diċembru 2005 sal-31 ta’ Jannar 2006.  Barra minn hekk, minn mistoqsija parlamentari numru 18003 irriżulta li l-vaska ż-żgħira tal-pixxina ilha ma tissaħħan minn Marzu ta’ l-2004, u minn mistoqsija parlamentari numru 15648 irriżulta li bejn Jannar u Marzu ta’ l-2005 kien għaddej programm ta’ manutenzjoni, u allura l-pixxina ma kenitx qed tkun imsaħħna. Dan ifisser li għandna pixxina li l-gvern qed jivvota għaliha Lm150,000 kull sena, pero` aktar tkun magħluqa milli miftuħa b’detriment kemm għall-atleti tagħna kif ukoll għal dawk in-nies kollha li jużaw il-pixxina biex jirrikkreaw ruħhom.    

Sur President, nagħlaq id-diskors tiegħi billi filwaqt li nirringrazzja lil dawk l-għaqdiet, organizzazzjonijiet sportivi u l-atleti individwali kollha, nappella lill-ministru biex jara ftit x’inhu jiġri fil-qasam ta’ l-isport għax kollox qisu huwa mitluq għal riħu, u ħafna nies qed jistaqsu verament x’inhi l-policy tal-gvern dwar dan il-qasam.

Nirringrazzjak.

© 2007 - Justyne Caruana