|
|
||||
|
Diskors tal-Budget - Ministeru ta'Ghawdex nhar 31.10.06 |
||||
|
ONOR. JUSTYNE CARUANA: Sur President, insellimlek u ngħid grazzi mill-qalb lill-Onor. Anton Refalo ta’ l-intervent li għadu kemm għamel. Bl-għajnuna ta’ Alla reġgħet għaddiet sena oħra u dalgħodu qegħdin hawnhekk biex niddiskutu l-voti tal-ministeru għal Għawdex, li suppost huwa għal qalbna lkoll. Jien ningħaqad mal-kollega tiegħi fejn minn qalbi nispera li din is-sena fid-diskors tal-budget tal-ministru nisimgħu xi ħaġa ġdida għaliex f’dawn l-erba’ budgets li għalihom kont preżenti jien, għal sena wara oħra, id-diskors tal-ministru kien speċi ta’ copy and paste! Dejjem nisimgħu bl-istess affarijiet u bl-istess proġetti li b’ħafna pompa jingħad li qed isiru mill-Unjoni Ewropea. Aħna nieħdu gost bil-ġid, u jalla jiġu aktar, pero` għalkemm nisimgħu dwarhom għal sena wara oħra, il-poplu għadu ma gawda xejn minnhom. Dan mhux qed ngħidu jien biss imma qed jgħiduh ukoll l-Għawdxin u l-entitajiet Għawdxin, fosthom il-Gozo business chamber, li fost affarijiet oħra awgurat li dawn il-proġetti li tant nisimgħu dwarhom hawn ġew ikunu lesti sal-budget li jmiss. Dan huwa wishful thinking, imma billi wieħed jawgura ftit mhu se jitlef xejn. Għalhekk sinċerament nispera li llum nisimgħu affarijiet ġodda. Nerġa’ ntenni li jekk jissemmew affarijiet ta’ ġid jien l-ewwel waħda nkun pronta li nfaħħarhom. Sur President, ta’ min ifakkar li Għawdex mill-protokoll Taljan għat-toroq ma ħa xejn. Għandna żewġ toroq prinċipali, waħda mir-Rabat għal San Lawrenz u l-oħra minn Għajnsielem għall-heliport li, to be fair, irrid ngħid li x-xogħol fuqha nbeda riċentement. Dwar it-triq tax-Xlendi ma nistgħu ngħidu xejn għaliex għadu ma beda xejn. Pero` jidher li x-xogħol fuq it-triq li mir-Rabat tagħti għal San Lawrenz qed isir mingħajr pjan għax min ipproġetta din it-triq jidher li lanqas biss ħaseb għall-flow tax-xita li jkollna fil-perijodu tax-xitwa. Fil-fatt għamlet ix-xita u spiċċa kullimkien mgħarraq b’diversi bdiewa jilmentaw dwar dan. Irriżulta wkoll li f’ċerti partijiet kien hemm tafal aktar milli kien hemm ippjanat u allura x-xogħol se jkun aktar estensiv minn dak li ngħad oriġinarjament. It-tajba hija li dan kollu rriżulta wara li saru l-pjanijiet u min jaf kemm eluf ta’ liri ntnefqu mill-but tal-poplu. Sadanittant ir-residenti ta’ l-inħawi qed ibatu minn inkonvenjent, u allura wieħed jawgura li t-target date sa l-aħħar ta’ Diċembru jinżamm. Nisimgħu dwar l-incubation centre li għadu ma wasalx. Il-kollega tiegħi semma ċ-ċentru komunali li minn kalkoli li għamilt s’issa ntnefqu Lm26,000 li minnhom il-poplu għadu ma ħa xejn. Lanqas il-kunsill lokali tar-Rabat ma jaf xejn fuqu dan. Il-kollega tiegħi semma l-biċċerija. Inżid ngħid li dan l-aħħar ingħalqet is-sezzjoni ta’ l-emerġenza wkoll u nfakkar f’mistoqsija parlamentari fejn il-ministru ddikjarat li l-biċċerija kellha tinfetaħ wara 183 ġurnata li ngħalqet, imma ma jimpurtax, għadha magħluqa! Għall-ministru kollox jgħaddi! Irrid insemmi wkoll l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ li ilu ġej żmien twil u d-decompression chamber li skond mistoqsija parlamentari 8,014, ix-xogħol fuqu kellu jitlesta sa Ottubru ta’ l-2006, imma sal-lum għadu ma sar xejn. Insemmi wkoll il-moll u t-terminal ta’ l-Imġarr fejn hemm perikli kbar. Dan l-aħħar anke waqgħet karozza għaliex ma kienx hemm ilqugħ kif ukoll hemm nuqqas ta’ dwal adegwat u emergency lights. Apparti minn hekk, il-poplu Għawdxi qed jistaqsi, u għandu kull dritt li jistaqsi, jekk is-sistema tal-parkeġġ hux se tkun bi ħlas jew le. Hemm ukoll is-sidien tal-kiosks u l-ħwienet li kien hemm qabel li jixtiequ jkunu jafu kif se jkunu effettwati u x’kondizzjonijiet ġodda se jkollhom fit-terminal il-ġdid. F’dan il-kontest is-sena l-oħra, u anke din is-sena, issemmew ħafna l-cruiseliners. Jidher li l-gvern ma ħaseb xejn dwar dan il-proġett u kif qal dalgħodu l-Ministru Zammit Dimech, għalkemm f’Malta kien hemm progress f’dan is-settur, aħna bqajna l-art. Fil-fatt nixtieq insemmi newsletter tal-Gozo business chamber fejn kien hemm il-kliem “Missed opportunity for Gozo”. Jien ma nafx il-gvern x’qed jistenna biex Għawdex jibda jgawdi ftit minn dan is-settur. Il-ġimgħa l-oħra l-prim ministru qal li lest li jilqa’ xi suġġeriment u għalhekk illum jien se nagħmillu suġġeriment dwar sistema sempliċi li ma tirrikjedi ebda struttura fissa, li cruiseliner jista’ jorbot magħha. Is-sistema hija sempliċi ħafna, taħdem b’sistema ta’ bagi u kulma għandek bżonn huwa mooring buoy biex jirmiġġaw il-vapur. Proprjament hemm żewġ modi u se nispjegahom it-tnejn. Għandek is-sistema ta’ single mooring buoy fejn inti jkollok baga waħda u l-vapur jorbot magħha, imbagħad għandek is-sistema l-oħra, li forsi hija aktar safe, fejn ikollok multiple point. B’dan il-mod ikollok mooring buoy waħda fil-pruwa u tnejn oħra fil-poppa. Din hija sistema li ma tinvolvi ebda spiża straordinarja, hija sistema safe ħafna - fil-fatt tintuża ħafna anke biex jintrabtu tankers ta’ 200,000 tunnellata - u hija sistema li tiġġenera xogħol lis-sidien tad-dgħajjes li jġorru n-nies. Ma nafx għaliex il-gvern mhux qed jikkonsidra proposti jew ideat sempliċi, u dan juri li għal Għawdex dan il-gvern ma jridx jaħdem f’dan il-kontest. Il-fatt jibqa’ li f’Għawdex kollox miexi bit-temp - it-tort ta’ min ma nafx - pero` jista’ jkun li dan qed isir għax ix-xogħlijiet tal-proġetti li semmejt jien u l-kollega tiegħi qed isiru mill-istess kuntrattur, jiġifieri mir-Road Construction Co. Limited. Fil-fatt dan jirriżulta minn mistoqsijiet parlamentari li saru, għax dan mhux qed ilaħħaq max-xogħol. Ara mbagħad il-gvern għandu ċerta għaġġla biex ilesti xi proġetti u hawn nixtieq insemmi l-waste transfer station tax-Xewkija. Fil-fatt sa minn qabel il-MEPA għamlet l-istudji tagħha u waslet għal deċiżjoni, Alla jbierek, il-gvern kien diġa` jaf fejn huwa s-sit. Hawnhekk nixtieq nirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 14,896 fejn f’Ottubru ta’ l-2005 il-Ministru Pullicino kien diġa` ddikjara li s-sit magħżul huwa dak tax-Xewkija meta l-MEPA ħarġet il-permess f’Ġunju ta’ din is-sena. Dan ifisser li l-gvern kien diġa` ħa d-deċiżjoni tiegħu, pero` hawnhekk nerġa’ nappella għall-bon-sens tal-gvern għaliex ix-Xewkija saret qisha d-dumping site ta’ Għawdex, fejn kollox jintefa’ hemmhekk. Fil-fatt, il-poplu tax-Xewkija huwa poplu marid għaliex għandu l-ogħla rata ta’ mard ta’ kanċer ġewwa l-gżejjer Maltin, u għandek mard ieħor li qed jiġi kkawżat minħabba dawn l-affarijiet kollha. Jidher li qed iċċaqċaq ukoll il-kwestjoni ta’ l-airstrip tal-heliport ukoll u allura kollox jintefa’ hemmhekk, u sadanittant il-gvern jibqa’ għaddej qisu xejn m’hu xejn! Proġett ieħor li għandu kull appoġġ tal-prim ministru u tal-ministru għal Għawdex – dan issemma wkoll mill-Onor. Refalo pero` se nsemmih jien ukoll – huwa dak ta’ Ħondoq ir-Rummien. Din hija bajja popolari, sabiħa ħafna u l-unika waħda li għad baqagħlna f’Għawdex fl-istat naturali tagħha. Pero` issa ġew l-ispekulaturi li tefgħu għajnejhom fuqha u hemmhekk se jibnu ħafna vilel u appartamenti biex iħaxxnu l-but tagħhom. Aħna bħala partit diġa` ddikjarajna li aħna kontra dan il-proġett u se nirrispettaw id-deċiżjoni li kien ħa l-poplu tal-Qala permezz ta’ referendum, li permezz tiegħu 85% tal-poplu ta’ din il-lokalita` ddikjara li ma riedx żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien. Ir-referendum huwa eżerċizzju mill-aktar demokratiku u aħna bħala partit se nagħtuh il-backing tagħna to the full. Pero` jidher li l-gvern mhux se jirrispetta dan ir-riżultat u qed jikkundanna Ħondoq ir-Rummien għal żvilupp insostenibbli u inkompatibbli ma’ l-ambjent naturali ta’ dan il-post. Sur President, ħafna drabi meta nistaqsu dwar xi progress ikun sar fuq proġetti partikolari għax forsi jkun hemm xi dewmien, ġieli tiżżeffen fin-nofs il-MEPA u allura d-dewmien jiġi ppontat lejha. Pero` f’dawn iż-żewġ każijiet li għadni kemm semmejt, u f’affarijiet oħrajn, il-gvern ma jagħti kas ħadd. Per eżempju, fil-każ ta’ l-ITS, l-Onor. Refalo semma l-bini tal-Perit Huntingford, fejn ix-xogħol ġie kkundannat mill-kamra tal-periti. F’dawn l-affarijiet il-gvern lanqas jara lil tal-MEPA, għaliex iddeċieda li jsir hekk, u hekk se jsir. Nixtieq nagħmel riferenza wkoll għall-każ tad-Duke of Edinburgh fejn hemm proġett ta’ spekulaturi. Fil-fatt f’mistoqsija parlamentari numru 17,522 il-viċi prim ministru qal li l-kuntratt ta’ bejgħ ta’ garaxxijiet tal-gvern kien ġie ffirmat fis-7 ta’ Frar ta’ l-2006 meta dawn l-imħażen twaqqgħu ħafna qabel. Dan jidher li huwa bil-barka ta’ l-awtoritajiet, għax Alla jbierek ħadd ma qal xejn! Għalhekk ngħid li l-affarijiet f’Għawdex mhux qed jitmexxew bil-għaqal. Dan jafu kulħadd u l-poplu m’huwiex kuntent b’dawn l-affarijiet. Lill-prim ministru li appella lil kulħadd biex iżomm it-tbissima ngħidlu: Iva, mela ma nitbissmux, imma biex titbissem irid ikollok għalfejn! Il-gvern jaf li f’Għawdex l-affarijiet mhux sejrin sew. Dan iddikjarah il-prim ministru stess fid-diskors tiegħu meta qal li Għawdex jibqa’ sfida, għax hemmhekk mhux qed jiġi reġistrat progress. Jien lill-prim ministru ngħidlu biex l-ewwel iħares ftit madwaru u jara x’nies għandu għax sfortunatament għandu ħafna nies madwaru li suppost qegħdin jaħdmu għal Għawdex, pero` kulma qed jagħmlu huwa li qed jaħdmu għall-ġid personali tagħhom u d-drittijiet qed jittrasformawhom fi pjaċiri. Imbagħad il-poplu dejjem jibqa’ f’sitwazzjoni batuta. Sur President, nispera li f’dan id-dibattitu ma jiġix xi ħadd min-naħa l-oħra jgħidli li f’Għawdex naqas il-qgħad jew inkella jiġi xi ħadd li joqgħod jagħmel paragun bejn l-1996 u l-1998. Qed ngħid dan għax aħna llum qegħdin ngħixu, u m’hi ta’ konsolazzjoni għal ħadd li noqogħdu nagħmlu paraguni, għax l-Għawdxin illum qegħdin idaħħlu idejhom fil-but u ma jsibu xejn! Illum qegħdin ifittxu x-xogħol u ma jsibux, u l-lukandi u l-fabbriki llum qegħdin jagħlqu. Jekk il-prim ministru jmur jitkellem ma’ dawn in-nies jew inkella jmur fuq dawk l-ommijiet li jkunu qegħdin jippreparaw il-bagalja għal uliedhom li sejrin lejn l-Awstralja jew lejn l-Amerka għax f’Għawdex m’hemmx xogħol għalihom, mill-ewwel jinduna kemm għandhom għal xiex jitbissmu dawn in-nies. F’Għawdex m’hemmx opportunitajiet, u ta’ min jgħid li lanqas il-prim ministru ma kien kapaċi jaħrabha din għax meta rajnieh fil-programm Bondi Plus u Lou Bondi pprova jrossu ftit dwar fejn se jmorru jaħdmu l-Għawdxin, dan stalla daqsxejn. Sinċerament jien ma nagħtihx tort, anzi nammirah li sa ċertu punt qed jikkonferma li aħna għandna raġun għax veru f’Għawdex m’hemmx opportunitajiet u dik hija l-kwalita` ta’ ħajja li qed joffri dan il-gvern. Sfortunatament l-ebda daħka jew tbissima ma tista’ tiċħad jew taħbi din ir-realta`. Fil-budget speech intqal ukoll li 30 ħaddiem tal-gvern Għawdxin se jiġu trasferiti f’Għawdex biex il-back officework tal-gvern isir f’Għawdex stess. Aħna bħala partit naqblu perfettament ma’ din il-proposta. Fil-fatt fl-1996 il-gvern Laburista ta spinta kbira lil dan il-proġett. Kemm l-Onor. Refalo fid-dokument tiegħu kif ukoll jien fid-dokument taż-żgħażagħ din semmejnieha u ovvjament naqblu magħha. Pero` dwar l-istaff u l-ħaddiema tal-gvern qed jinħass li hemm nuqqas f’diversi dipartimenti oħrajn. Għalhekk inħeġġeġ biex aktar ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta jiġu trasferiti lejn Għawdex biex jimtlew l-vacancies. Qed nirreferi partikolarment għall-qorti ta’ Għawdex kif ukoll għall-isptar ġenerali ta’ Għawdex. Dwar il-qorti kont għamilt mistoqsija parlamentari numru 6,442 f’Lulju tas-sena 2004, pero` dakinhar il-ministru qaltli li n-nuqqas ta’ staff tal-qorti ma kenitx prijorita`. Il-bieraħ kelli mistoqsija parlamentari oħra bin-numru 21524 u l-ministru, wara sentejn li ilna neqirdu għall-istaff, fl-aħħar qaltli li issa se jkun hemm staff, pero` għadhom jistennew is-security guards kif wegħditna f’Lulju ta’ l-2004 fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 6445. Xi ħaġa li qed tinkwetani ħafna hija dwar in-nisa Għawdxin li jaħdmu mal-gvern f’Malta. Meta mara jew tfajla tinqabad pregnant u tkun taħdem Malta fis-settur pubbliku l-proċedura hija li din tiġi trasferita lejn Għawdex proviżorjament, pero` qed ikollna każi fejn mara jew tfajla li jkollha xi sitt xhur tqala tkun għadha ma ġietx trasferita lejn Għawdex u minbarra t-tbatija u l-inkonvenjent għall-omm, ikun hemm riskju u periklu għat-tarbija li tkun qed iġġorr. Għalhekk minn qalbi nappella lill-awtoritajiet konċernati biex ħaddiema nisa tqal jiġu trasferiti lejn Għawdex sa mill-bidu tat-tqala tagħhom biex nevitaw kull riskju kemm għall-omm kif ukoll għat-tarbija. La qed nitkellem fuq il-ħaddiema nixtieq insemmi wkoll lill-ħaddiema tas-civil protection Għawdxin. Meta dawn il-ħaddiema kienu qalbu mill-AFM għal mas- civil protection department niftakar li kont għamilt mistoqsija parlamentari numru 4743 lill-prim ministru ta’ dak iż-żmien, illum President, fejn kien iddikjara li l-kondizzjonijeit tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema li kellhom qabel kienu se jġorruhom magħhom fl-impjieg il-ġdid. Dawn ġew impjegati, irċevew l-ewwel paga pero` rriżulta li kienu tilfu xi allowances. Għalhekk morna quddiem l-ombudsman, dan laqa’ l-ilmenti ta’ dawn il-ħaddiema - jekk tippermettili aktar ‘il quddiem se npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-deċiżjoni ta’ l-ombudsman – imma l-gvern qed jirrifjuta li jonora din id-deċiżjoni. Sadanittant il-ħaddiema, flimkien mal-familji tagħhom, għaddejjin minn żmenijiet diffiċli. Il-bieraħ il-viċi prim ministru ftaħar ħafna b’dawn il-ħaddiema u għamel sew, pero` naħseb ikun aħjar kieku l-gvern jonora d-deċiżjoni ta’ l-ombudsman dwar dawn il-ħaddiema Għawdxin. F’dan id-dibattitu rrid ningħaqad mal-kollega tiegħi l-Onor. Refalo u nitlob biex jilluminawna ftit dwar x’inhu jiġri fil-heliport. Niskanta kif ġimgħa ilu l-Ministru Galea fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 21340 qal li l-bookings tal-helicopter xorta għadhom jinżammu. Issa jien ma nafx x’bookings qed jinżammu meta helicopter m’għandniex! Għall-mistoqsija parlamentari numru 21517 qal wkoll li għaddejjin id-diskussjonijiet, pero` ma nafx ma’ min huma għaddejjin dawn id-diskussjonijiet, għax safejn naf jien, dawn qabdu jippakkjaw u telqu! Mela meta ġew għamlu ħafna pompa u press releases, pero` x’ħin telqu, telqu baxx baxx! Il-ftehim li sar mal-Helicopteros del Sureste ma nafx x’inhu, jiġifieri ma nistgħux nitkellmu fuq obbligazzjonijiet kuntrattwali legali u naħseb li dalgħodu l-ministru għandha tgħidilna ftit dwar dan. Pero` l-aktar ħaġa li tiskantani hija li jiġi l-prim ministru hawnhekk jgħidilna li ġew il-low cost airlines f’Malta, imma biex ġew qbadna Lm1 miljun mill-but – din irreċtaha waqt id-dibattitu – u tajnihomlhom biex inħajruhom. Allura għal-low cost airlines għandu Lm1 miljun, u għas-sussidju tal-helicopter m’għandux! Issa ta’ min jgħid li permezz tal-membru parlamentari Ewropew l-Onor. Joseph Muscat diġa` tkellimna dwar dan, u nafu li l-helicopter service ta’ Għawdex jikkwalifika għal sussidju skond ir-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea. Dawn huma affarijiet li jweġġgħuna u l-gvern jidher li se jkompli jwebbes rasu u mhux se jilqa’ din il-proposta tagħna għas-sussidju. Sadanittant qegħdin mingħajr is-servizz tal-helicopter, u issa li qegħdin fix-xitwa nispera li ma jerġax jinqala’ kif inqala’ sentejn ilu fejn spiċċajna bil-vapur ma jaħdimx u iżolati bil-konsegwenza li nqala’ kaos kbir. U l-bad name li għamilna ma’ l-operaturi barranin, Alla jilliberak minnu! Xi ħaġa pożittiva f’dan il-budget kienet – din ħadt ħafna gost biha – hija l-eżenzjoni mill-VAT ta’ l-attivitajiet kulturali. Dwar dan jien kont intervjenejt f’dan il-parlament, pero` r-risposta kienet li l-opri liriċi huma soġġetti għall-VAT. Imbagħad jien kont għamilt mistoqsija supplimentari u l-prim minsitru qal li din kien se jikkonsidraha. Fil-fatt dan id-diskors sar f’Mejju ta’ l-2006, wasal il-budget u tħabbret din l-eżenzjoni. Prosit ħafna, pero` kieku l-prim ministru ma qagħadx jilgħabha tal-phantom of the opera sa Ottubru u ħabbar l-eżenzjoni qabel, kieku din is-sena gawdejna opra oħra. Sadanittant nixtieq nifraħ u nirringrazzja lis-soċjeta` La Stella tas-suċċess li kellhom il-ġimgħa li għaddiet. Sur President, meta nisma’ li fuq l-isptar Mater Dei jintnefqu l-miljuni, ngħir ftit. Jien dejjem infaħħar l-isptar għax hemmhekk jagħmlu l-mirakli mal-pazjenti, pero` jiddispjaċini li meta nressaq ilment lill-ministru, din tipprova tagħlaqli l-bibien. Nhar il-Ħadd li għadda smajtha tgħid li se jsir operating theatre ġdid, radiology section u ultrasound machine biex skond hi l-Għawdxin ikollhom servizz suret in-nies – din ħadt ħafna gost biha – pero` kulħadd jaf li s-servizz li jingħata f’Għawdex minħabba l-makkinarju skadut m’huwiex suret in-nies. Niftakar li kont għamilt mistoqsija parlamentari numru 17440 dwar l-ultrasound machine, u l-ministru kienet qaltli li din m’hemmx bżonnha għax l-esiġenzi tal-pazjenti kienu milħuqa. Speċi qaltli li l-ilment ma kienx ġustifikat! Sadanittant, kif ikkonfermat il-ministru stess, l-ultrasound machine se tasal. Hawnhekk nixtieq nirreferi għall-invit li rċevejt minn the Gozo hospital help fund illi qed jiġbru fondi għal din l-ultrasound machine; jiġifieri din hemm bżonnha, mhux m'hemmx! Atteġġjament bħal dan ma nafx x’qed tiggwadanja bih il-ministru għal Għawdex. Sur President, l-aħħar kumment li nixtieq nagħmel huwa dwar il-pazjenti tal-cancer li ta' kull filgħodu jkollhom jaqsmu lejn Malta għat-trattament tal-chemo. Kif diġa` għedt dawn in-nies jgħaddu minn kalvarju sħiħ. It-trattament tal-chemo li jiġi amministrat b’mod intravenous, jiġifieri permezz tal-vina, jista' faċilment isir Għawdex. Is-soluzzjoni hija li t-taħlita ssir Malta , tiġi trasportata lejn Għawdex u dawn il-pazjenti jistgħu jiġu kkurati f'Għawdex stess. Naf illi f'Għawdex hemm ukoll nurses illi huma diġa` trained biex jagħmlu dan it-trattament, u allura jekk din il-ħaġa tkun tista' ssir, inkunu qed nagħmlu karita` kbira ma' dawn in-nies li għandhom kull dritt li jiġu trattati f'Għawdex stess. Nikkonkludi billi ngħid li dawn is-suġġerimenti li għamilt, għamilthom minn qalbi, għamilthom għall-ġid ta' Għawdex u nispera li min qiegħed in-naħa l-oħra jikkonsidrahom. Qabel nagħlaq nitlob il-permess biex inqiegħed xi dokumenti fuq il-mejda tal-Kamra. THE CHAIRMAN: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva) Il-permess ingħata ONOR. JUSTYNE CARUANA: Sur President, inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra: Rapport maħruġ mill-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman fit-28 ta’ Settembru 2005 dwar ilmenti minn impjegati fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex. |
||||
|
©
2007 - Justyne Caruana
|