|
|
||||
|
Diskors tal-Budget - Ministeru ta' Ghawdex nhar 15.10.05 |
||||
|
ONOR. JUSTYNE CARUANA: Sur President, waqt li nsellimlek xtaqt nagħti prosit lill-kollega tiegħi għall-intervent tiegħu. Għalina l-Għawdxin din hija ġurnata partikolari għaliex illum nistgħu nitkellmu fuq gżiritna, filwaqt li nagħmilha ċara li hawnhekk min-naħa tagħna qegħdin nikkritikaw l-operat tal-gvern u mhux il-persuna. Jiena nemmen li hemm bżonn li Għawdex jissemma aktar għaliex kull Għawdxi u Għawdxija qed iħossuhom mitlufin u jinsabu għaddejjin minn inċertezza kbira anke jekk, bħalma jiġri ta’ kull sena, m’għandix dubju li llejla l-Onor. Giovanna Debono se tgħidilna kemm naqas il-qgħad waqt li nistħajjilha togħxa tikkompara ċ-ċifri ma' l-1997, l-aħħar sena sħiħa li għamel il-partit Laburista fil-gvern. Jien għandi fidi li llejla se nisimgħu lill-ministru tgħidilna kemm morna 'l quddiem matul l-aħħar sena, kemm morna tajjeb ma' l-Unjoni Ewopea u kemm flus ġibna. Ma jistax jonqos lanqas li ssemmielna t-toroq u l-proġetti li issa ilna nisimgħu dwarhom is-snin u aktarx li ssemmi wkoll l-allowances ta' l-istudenti. Ta' dan irrid ngħidilha prosit, pero’ mill-bqija m’aħna se nisimgħu xejn ġdid għax dejjem l-istess diska u dejjem l-istess affarijiet. Dan mhux jien biss ngħidu imma kulmin għandu għajnejh f’wiċċu għax jgħiduh il-gazzetti u tgħidu l-Gozo business chamber. Jien ngħid li għandna nkunu serji u ngħidu li l-pajjiż kollu sejjer ħażin u b’mod partikolari l-gżira Għawdxija, Sur President. Issa meta aħna nitkellmu b’dan il-mod qishom jiddejqu tan-naħa tal-gvern, jaqbadhom xokk u joqogħdu jikkritikawna, pero' aħna nitkellmu b'dan il-mod għaliex ninsabu b’saqajna ma’ l-art u kapaċi nħossu l-polz tal-poplu. Għalhekk bl-akbar responsabbilta' ngħid li f'Għawdex hemm kriżi serja ħafna. Il-ministru tħobb tgħidilna li r-rata ta' qgħad qatt ma kienet daqshekk baxxa, pero’ fil-fehma tiegħi huwa xi ftit diffiċli sabiex temminha meta tqis li l-istess persuna sentejn ilu ammettiet li f'Għawdex kienu għalqu l-fabbriki u ħallew ħafna nies qiegħda. Il-ministru kienet qalet ukoll li huwa remot ħafna li f'Għawdex jerġa’ ikollna fabbriki ta’ daqs medju, imbagħad fl-istess nifs tiġi tgħidilna li dawk kollha li tiflu l-impjieg mill-fabbriki reġgħu mpjegaw ruħhom f'qasam ieħor, b’mod partikolari fil-qasam tas-servizzi. Evidentement il-ministru tgħid dak li jaqbel lilha, pero’ ir-realta' hija differenti għal kollox. Jiena nikkonferma dan l-istat ta’ fatt u għalhekk ġieli stedint lill-ministru sabiex isir eżerċizzju fuq kull persuna ħalli naraw jekk dawk il-persuni li tilfu l-impjieg tagħhom reġgħux bdew jaħdmu jew le. Inkunu nistgħu naraw ukoll kemm hemm li għaddew bord jew li qegħdin bir-relief u mbagħad inkunu nistgħu naraw x’inhi r-realta’ vera. Madankollu dan is-suġġeriment qatt ma ntlaqa' min-naħa tal-ministru u dejjem nippruvaw ngħattu x-xemx bl-għarbiel għaliex m’huwiex veru li l-biċċa l-kbira ta' dawk li tkeċċew mill-fabbriki sabu mpjieg ieħor. Dan għaliex l-impjiegi f’Għawdex u l-investiment barrani ma jeżistux għax il-gvern ma ħadimx fuq hekk, Sur President. Mhux talli hekk imma talli lanqas is-sussidju għat-trasport m'hu se jibqgħalna għaliex, skond it-trattat ta' adeżjoni ta’ l-Unjoni Ewropea, is-sussidji jridu jiġu phased out. Allura meta dak li jkun jibda jipprospetta sabiex jiġi jinvesti f’Għawdex, ikollu jibda jikkalkula l-ispejjes żejda tat-trasport tal-prodott u tal-materja prima sabiex tinħadem ġewwa Għawdex. Ovvjament dan se jkollu jinkorri aktar spejjes u jaqta' qalbu milli jinvesti f’Għawdex. Għalhekk bħala partit Laburista dejjem nisħqu fuq il-qgħad fil-gżira Għawdxija għaliex il-gvern dejjem għaddej jagħti stampa li m’hijiex reali u hawn nista' nsemmi l-ħaddiema ta' l-Imġarr Hotel. Hemm madwar 40 ħaddiem li fl-4 ta’ Diċembru li ġej se jispiċċaw bla xogħol għaliex l-Imġarr Hotel se tagħlaq il-bibien tagħha. It-turiżmu f'Għawdex tistgħu taħsbu kemm sejjer tajjeb meta lukandi jagħlqu, jitwaqqgħu u minflokhom jinbnew l-appartamenti. Jiġifieri l-ministru daqsna taf kemm hawn nies ifittxu x-xogħol għaliex bħalma jiġu għandna għall-għajnuna nimmaġina li anke għandha jmorru, anzi naħseb li għandha jmorru aktar peress li huma qegħdin fil-gvern. Mela ħalli ngħid xi ħaġa fuq il-proġetti ta’ Għawdex u nagħmel sensiela ta' mistoqsijiet u nispera li l-ministru tweġibni fuqhom u mhux tgħidli sabiex nistaqsi lill-ministru konċernat. Tista' tgħidilna x'sar mill-proġett komunali li mill-estimi li għandna quddiemna nistgħu naraw li fl-2004 intnefqu Lm950 waqt li għal din is-sena hemm ivvotati Lm5,000? Tista' tgħidilna fiex wasal ix-xogħol fuq id-decompression chamber li b’risposta għal mistoqsija parlamentari li għamiltilha sena ilu, kienet qaltli li x-xogħol mistenni jitlesta sa Ottubru 2006 pero’ s’issa jidher li m’hemm l-ebda ħjiel ta’ xejn? Tista' tgħidilna fejn se jsir il-casino, fejn se ssir il-yacht marina u fejn se ssir il-golf course, amenities li ssemmew kemm fil-budget tas-sena l-oħra u kemm f’ta’ din is-sena? Tista' il-ministru tgħidilna meta se jitlesta l-proġett ta’ l-Imġarr li suppost ilu li tlesta s-snin? Tista' tgħidilna fiex waslu l-istores f'Ta' Dbiegi u meta se jitlestew? Tista' tgħidilna l-impjant tad-drenaġġ meta se jibda jiffunzjona? Tista' tgħidilna meta l-biċċerija se tibda topera u dan meta nafu li din suppost kellha titlesta fi żmien seba' ġimgħat minn meta tingħalaq l-oħra u issa diġa’ għaddew is-snin? Sur President, wara interpellanza oħra li għamilt f’Ottubru tas-sena l-oħra, il-ministru rrispondietni li kienet diġa' ħarġet l-ittra ta' aċċettazzjoni sabiex ikun jista' jinbeda x-xogħol fuq il-biċċerija. Pero’ għaddiet aktar minn sena u għaddew ħafna aktar mis-seba' ġimgħat li kienet semmiet il-ministru fir-risposta tagħha. Allura tista' l-ministru tilluminana xi ftit u tgħidilna x'inhu jiġri f’dan ir-rigward? Tista’ tgħidilna, jekk jogħġobha, meta se jissewwew l-air conditioners u l-boilers li hemm fl-isptar ġenerali li ilhom ix-xhur bil-ħsara? Tista' tgħidilna meta l-isptar ġenerali se jiġi ekwipaġjat adegwatament sabiex kull Għawdxi jkun jista' jiġi kkurat Għawdex stess u mhux ikollu joqgħod jinżel Malta kull darba? Sur President, dawn il-mistoqsijiet li għamilt lill-ministru nispera li jkolli risposta għalihom u ma tgħidlix biex nistaqsi lill-ministru konċernat imma tagħtini risposta sodisfaċenti. U bħalma qal l-Onor. Anton Refalo qabli, din hija xi ħaġa li bilfors lilna turtana għaliex mhux sew li l-affarijiet ta' Għawdex jiġu riferuti lil ministri oħrajn li ma jimportahom xejn minn Għawdex. Ilna snin twal nisimgħu fuq il-proġetti pero’ s'issa dawn baqgħu biss fuq il-karta. Wara kollox dawn huma proġetti li kien ippropona l-partit Laburista stess daqs għaxar snin ilu, pero' dak iż-żmien kienu ħżiena mentri llum saru tajbin għax għamilhom tiegħu gvern Nazzjonalista! Il-kollega tiegħi li tkellem qabli aċċenna għall-protokoll Taljan u qal kif Għawdex meta kkomparat ma' dak li ħadet Malta , ħa biss il-boqxiex. Semma' ukoll dak li qallu l-ambaxxatur Taljan. Issa meta ħareġ dan il-protokoll f’Mejju tas-sena 2004 kont pronta nistaqsi lill-ministru għal Għawdex fuq din il-kwestjoni, pero’ minflok ma weġbitni fuq it-toroq irrispondietni fuq is-settur agrikolu u qaltli kif dan is-settur kien se jibbenefika minn dan il-protokoll. Imbagħad dort fuq l-Onor. Mugliett, li min-naħa tiegħu qalli li l-ministeru għal Għawdex kien issottometta lista ta' toroq biex isiru taħt il-protokoll Taljan iżda ġew identifikati tliet lottijiet ta' toroq għal Malta biss. Issa fuq din tal-protokoll Taljan kienet qed tiġri x-xniegħa f’Għawdex li min hu nkarigat mix-xogħol ma laħaqx daħħal ir-rapport fil-ħin u b’hekk li Għawdex ma messu xejn minn dawn il-fondi tat-Taljani. Allura ġustament jien kont nistenna li ta’ l-anqas ikun hemm ċaħda mill-ministeru għal Għawdex dwar din ix-xniegħa, pero’ ma smajna assolutament xejn u Għawdex spiċċa biex ħa l-boqxiex. Fid-diskors tal-budget, il-prim ministru u ministru tal-finanzi qalilna li fl-2006 se jibda x-xogħol fuq il-bini ta’ waste transfer station għal Għawdex. Issa għal min ma jafx, dan il-proġett se jsir fix-Xewkija u meta staqsejt lill-ministru għal Għawdex fuq dan il-proġett, qaltli sabiex nagħmel il-mistoqsija tiegħi lill-ministru konċernat. Alla jbierek għal kull ħaġa li tiġri f’Għawdex dejjem jirriferuna lill-ministru konċernat, basta mhux lill-ministru għal Għawdex! Għalhekk staqsejt lill-Onor. George Pullicino u dan min-naħa tiegħu kkonfermali li s-sit se jkun f’Tal-Kus, fil-limiti tax-Xewkija. Qalli wkoll li l-applikazzjoni tinsab fi stadju avvanzat ħafna. Sew ngħid jien li dan ir-raħal spiċċa d-dumping site ta' Għawdex u might as well nibdlulu ismu għax hawn issib minn kollox - fabbriki, żewġ ċimiterji, inċineratur, l-antenna tal-Maltacom, heliport u issa ġej ukoll il-waste transfer station! Fil-frattemp il-poplu tax-Xewkija għandu l-ogħla rata ta' kanċer u ta' asthma ġewwa Għawdex kollu u qiegħed ikompli jimrad. Għalhekk minn qalbi nispera li kemm il-MEPA u kemm l-awtoritajiet konċernati jieħdu in konsiderazzjoni l-fattur prinċipali tas-saħħa għaliex dawn in-nies tant ilhom jibilgħu emissjonijiet ta' raġġi u dħaħen tossiċi li issa ma jifilħux aktar. Hemm nies li jiġu għandna bit-tfal tagħhom morda u dawn qegħdin saħansitra jikkonsidraw li jitilqu ‘l barra mir-raħal. Jien f’idi għandi kopja tar-rapport li sar minn SLR Consulting u kkummissjonat mill-WasteServ dwar l-għażla tas-sit u tajjeb li l-poplu jkun jaf li f’dan ir-rapport mhux sit wieħed hemm imma tliet siti differenti, f'postijiet differenti ġewwa Għawdex, iżda madankollu ntgħażel is-sit fix-Xewkija. Fl-introduzzjoni ta' dan ir-rapport diġa' hemm imsemmi li s-sit preferut huwa dak Tal-Kus, pero’ donnu li għas-saħħa ta' l-argument għamilna rapport sabiex taparsi niġġusitifikaw l-għażla. Issa meta tiġi biex tqabbel il-kriterji ta' l-għażla ssib diversi fatturi negattivi u fil-fatt hemm tabella fejn tgħidlek li s-sit f'Tal-Kus huwa inadequate, with remote proximity to waste, poor accessibility, significant physical constraints, potentially high impact on nature conservation,some areas of potential policy conflict, remote traffic and proximity to road network u poor site access. Jiġifieri għandek dawn l-aspetti negattivi kollha fl-għażla ta' dan is-sit, pero' xorta waħda jaslu għall-konklużjoni fir-rapport li: “We consider it to be the preferable of the two alternatives”. Ngħid għalija nkompli nikkonferma li ntgħażel dan is-sit għaliex hekk kien predeterminat. Issa jiena nawgura lill-ministru sabiex tkompli żżomm it-track record tagħha ta' proġetti li ma jsirux, ħalli l-proġett tal-waste transfer station isegwi dan ir-ritmu u forsi ma jsirx u b’hekk il-poplu tax-Xewkija jdum ma jgawdi mid-detriment li se jpoġġi fuqu l-waste transfer station! Sur President, fl-istess budget speech, il-prim ministru semma wkoll il-bżonn li nattiraw aktar cruiseliners lejn Għawdex u f'paġna 49 tad-diskors jingħad hekk: "F’dan is-settur il-gvern irid li Għawdex jibbenefika direttament. Fl-2006 il-gvern se jiddiskuti ma' l-operaturi dwar kif il-vapuri jkunu jistgħu jinġiebu Għawdex. Fil-każ li d-diskussjonijiet ma jwasslux għar-riżultat mixtieq, il-gvern iqis x’għażliet oħra jista’ jieħu sabiex jilħaq dan il-għan.”. Issa min jaf għalfejn il-prim ministru aċċenna għall-fatt li d-diskussjonijiet jistgħu ma jwasslux għar-riżultat mixtieq? U r-raġuni se nagħtiha jien. Huwa tajjeb li l-poplu jkun jaf li Għawdex diġa' ħa fama ħażina ma' l-operaturi tal-cruiseliners. U mhux imbilli jiġi l-prim ministru jgħajjat bil-branding u mhux branding għaliex Għawdex diġa' ħa branding ma' l-operaturi tal-cruiseliners, naturalment fin-negattiv. Il-poplu għandu dritt ikun jaf bil-fatti għax fil-konfront tal-cruiseliners saru bosta frejjeġ mill-gvern Nazzjonalista u nsemmi eżempju partikolari li seħħ f’Għawdex.
Kien hemm cruiseliner li daħal Għawdex u hekk kif il-passiġġieri bdew neżlin mill-vapur – kienu organizzawlhom tour bl-ikel u affarijiet oħra - intalbu jħallsu l-full fare tal-Gozo Channel meta dawn ma kenux għamlu użu mis-servizz. Bir-raġun kollu dawn in-nies dehrilhom li ma kellhomx iħallsu n-noll u għalhekk reġgħu telgħu fuq il-vapur u qagħdu jduru bl-ispeed boats ma' Kemmuna. Din froġa waħda u bħalha saru diversi oħrajn. Hawnhekk għamilna l-ħsara lilna nfusna aħna stess u issa l-Bambin biss irid joħroġna minn din il-froġa li saret mal-cruiseliners. Tant il-kelma nfirxet li kont anke ġejt avviċinata minn operatur turistiku barrani li talabni sabiex nitkellem dwar dan fil-parlament. Fil-fatt kont għamilt diversi mistoqsijiet parlamentari u semmejt dan il-każ f’diversi interventi li għamilt, anke f’interventi fuq livell ta' partit. Pero' s-sabiħa hija li wara li saret il-froġa, tiġi l-ministru għal Għawdex friska friska u tgħidilna li l-gvern se jagħmel biċċa xogħol tajba għaliex se jeżenta lill-passiġġieri tal-cruiseliners mill-fare tal-vapur. Jiena nagħtiha l-prosit għaliex xi ħaġa tajba, imma din xi ħaġa li kellha ssir mill-ewwel u mhux wara li saret il-froġa. Għalhekk filwaqt li nixtieq kull suċċess lill-gvern f’dawn it-taħditiet, nixtieq nissuġġerilu sabiex jieħu miegħu lill-GTA għaliex dawn huma n-nies li verament jafu x'hemm bżonn għal Għawdex. U jekk verament jixtieq li t-turisti jerġgħu jibdew jiġu Għawdex, ma joqgħodx jistenna li t-terminal ta' l-Imġarr jitlesta - għaliex min jaf kemm se jdum - imma jsib slot minn issa u jirranġa ħalli x'ħin jiġu t-turisti bil-cruiseliners ma jsibux dawk l-intejjen u l-ħmieġ li hemm bħalissa. Sur President, f'dibattitu bħal dan ma jistax jonqos li ma nsemmix l-isptar ġenerali ta' Għawdex. Jiena nemmen u dejjem emmint li kull Għawdxi li għandu bżonn il-kura, hi x'inhi, m'għandux joqgħod jivjaġġa lejn Malta sabiex jieħu dik il-kura. Min ikun marid diġa’ jkollu t-tbatija tiegħu u żgur li m’hemmx għalfejn inżidulu l-inkonvenjent tal-vjaġġ minn Għawdex għal Malta . Dan jgħodd l-aktar għal dawk il-persuni li huma morda bil-kanċer għaliex nafu li dawn ikollhom bżonn kura kuljum. Għalhekk lill-gvern ngħidlu sabiex minflok joqgħod jixtri 'l hawn u ‘l hemm u jixtri dawk il-karrozzi kollha, għandu jinvesti daqsxejn f'makkinarju għall-isptar ta’ Għawdex u b’hekk l-Għawdxi jkun jista’ jgħix ftit aħjar. Tajjeb ngħidu li fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex lanqas biss jeżisti s-servizz ta’ l-ENT. Rajna l-ħmar iwaħħal f'denbu għax għaddew diversi xhur u s’issa għadna mingħajr is-servizz ta' l-ENT. U minn mistoqsija parlamentari li għamilt f’Settembru ta' din is-sena joħroġ li minn April sa Awissu, kien hemm 86 pazjent li kienu fl-isptar ġenerali ta' Għawdex li ġew riferuti St. Luke's. Tajjeb ngħidu wkoll li l-iżgħar fosthom kien tifel ta' għaxar snin u l-akbar fosthom kien raġel ta' 100 sena. Immaġinaw raġel ta' 100 sena rikoverat fl-isptar ta' Għawdex li kellu jiġi ttrasportat lejn Malta sabiex issirlu angiogram! Possibbli li l-gvern lanqas għandu minn fejn jinvesti f'apparat bħall-angiogram meta nafu li hemm daqshekk domanda għaliha? Xi ħaġa oħra li ridt insemmi hija dwar każ li qajjimt jiena stess f'April li għadda f’dan il-parlament. Il-każ li semmejt jirrigwardja l-mesh ta’ kwalita’ inferjuri i kienet qed tintuża u li minħabba f’hekk, il-pazjenti kien qed jenħtiġilhom jiġu operati. Veru li l-ministru kienet ħadet aġġornament u wieġbet b’xi mod, imma kont nippretendi li tiġi hawnhekk u tgħidilna x’ġara u ma ġarax from A to Z, pero’ ma qaltilna assolutament xejn. Imbagħad sirt naf minn "l-orizzont” tat-30 ta' Ġunju li l-investigazzjoni fuq il-każ kienet ingħalqet u qisu qatt ma ġara xejn. Għalhekk għamilt mistoqsija parlamentari fil-5 ta’ Lulju fejn il-ministru weġbitni li ma kienet saret l-ebda inkjesta. Allura llum qiegħda nitlob lill-ministru sabiex tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra rapport dettaljat u tgħid lill-poplu Għawdxi kollu x'ġara u ma ġarax f'dan il-każ tant tal-mistħija meta qegħdin nilagħbu bis-saħħa tal-poplu. Sur President, irrid ngħid xi ħaġa wkoll fuq il-korsa taż-żwiemel f’Ta’ Xħajma. Għalmin ma jafx, f'dawn il-ġranet il-ministeru għal Għawdex issottometta applikazzjoni mal-MEPA sabiex fil-porzjon tan-nofs tal-korsa taż-żwiemel tiġi track ta’ l-atletika, gymnasium u anke polo pitch. Għalhekk qiegħda nistenna li l-ministru tiġi f’din il-Kamra u turina li l-proġett on paper sar, minkejja li fl-estimi tal-budget m'għandna indikat xejn speċifiku fuq dan il-proġett. Jiena l-ewwel waħda li naqbel ma’ dawn il-faċilitajiet għaliex fid-dibattitu ta' l-isports kien ili s-snin ngħid li hemm bżonn li jkollna minn dawn l-affarijiet ġewwa Għawdex. Madankollu lili dejjem għallmuni li sabiex tibni knisja m'hemmx għalfejn tħott oħra, bħalma qiegħed jiġri f’dan il-każ. Il-fatt hu li din l-applikazzjoni pendenti li saret se ttellef konsiderevolment l-attivita' prinċipali, jiġifieri l-korsa taż-żwiemel. Dan għaliex se tinbena struttura fin-nofs tal-korsa u allura se ttellef il-viżwali ta' nofs it-tiġrija. Se ttellef ukoll għall-fatt li sabiex tidħol fil-parkeġġ, se jkollok tgħaddi mill-paddocks taż-żwiemel u l-parkeġġ se jsir minflok is-seating tal-passiġġieri. Għallinqas dak li jidher mill-pjanta li ġiet sottomessa għand il-MEPA. Qiegħda nsemmi l-korsa taż-żwiemel sabiex nagħti eżempju ta' kif taħdem il-ministru għal Għawdex li allura ħalliet l-applikazzjoni għal lejlet il-budget sabiex taparsi turina li qiegħda tagħmel xi ħaġa! Imma barra minn hekk xtaqt ngħid xi ħaġa oħra, Sur President. Jiena kont għamilt mistoqsija parlamentari fuq il-każ u l-ministru kienet weġbitni li x-xogħlijiet kienu se jsiru b’konsultazzjoni mad-dilettanti kollha taż-żwiemel. Madankollu dawn id-dilettanti ma’ ġewx ikkonsultati u l-applikazzjoni saret xorta waħda. Mela saret din il-froġa kollha u ħadd ma kkonsulta mad-dilettanti taż-żwiemel. Fl-opinjoni tiegħi dawn huma kollha dnubiet li qed iseħħu min-naħa ta’ dan il-gvern u qed insemmi dawn l-eżempji kollha sabiex nuri l-mod ta’ kif jaħdem il-ministeru għal Għawdex. F’din l-istituzzjoni tiġi l-ministru u tgħid mod, imbagħad noħorġu barra u tagħmel mod ieħor u din m’hijiex serjeta, Sur President. Jekk għad baqgħalha xi dubju, lill-ministru għal Għawdex ngħidilha li l-Għawdxin m’humiex jgħixu aħjar u sakemm idum dan il-gvern m'humiex se jgħixu aħjar żgur. Din hija l-pura verita', Sur President. Nirringrazzjak. |
||||
|
©
2007 - Justyne Caruana
|