Diskors tal-Budget - Ministeru ta'Ghawdex nhar 09.12.04

ONOR. JUSTYNE CARUANA:   Sur President, nibda dan id-diskors billi nirringrazzja lill-kollega tiegħi, l-Onor. Anton Refalo, għad-diskors imqanqal li għadu kemm għamel.    

Meta kien f’Għawdex, il-Prim Ministru qalilna biex nieħdu ftit paċenzja għax hemm prijoritajiet oħrajn qabel il-bżonnijiet ta’ Għawdex.  Ovvjament, dan ma niżilx tajjeb ma’ ħafna Għawdxin u għalhekk, biex il-gvern ibenġel dak li kien qal, ra kif għamel sensiela ta’ laqgħat fejn Għawdex beda jiffigura iktar waqt diskussjonijiet, dokumenti eċċ.  Pero’, bir-rispett kollu, l-interess ta’ Għawdex għandu jkun wieħed kontinwu u kostanti, mhux meta u kif jaqbel biss.  Aħna l-Għawdxin ma nistgħux nitħallew lura għax għandna problemi kbar li għandhom bżonn li jiġu ndirizzati immedjatament.  Il-kollega tiegħi kien eżawrijenti biżżejjed fejn appuntu elenka dawn id-diversi problemi.    

Lill-Ministru għal Għawdex ftit nisimgħuha tintervjeni f’dan il-parlament, pero’, dan l-aħħar kellna ċ-ċans li nisimgħuha darbtejn fuq xulxin, u ċioe’ meta tkellmet dwar l-estimi ta’ l-ETC u meta tkellmet dwar il-mozzjoni dwar ir-riġenerazzjoni ekonomika, li għamilna aħna bħala partit, fejn Għawdex ġie indikat b’mod partikolari.  

Jien segwejt attentament u wżint sew dak li qalet.  Fir-rigward tal-qgħad qalet l-istess affarijiet li qalet fil-budget speech f’Diċembru li għadda, bi ftit żidiet ‘l hemm u ‘l hawn.  Dan huwa l-mod ta’ kif jaħdem dan il-gvern, li jgħid dejjem l-istess affarijiet u sena wara l-oħra, nibqgħu fejn inkunu u kollox jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn.  Per eżempju l-Onor. Debono reġgħet qalet li l-oppożizzjoni qiegħda tgħaġġibha iżżejjed dwar il-qgħad f’Għawdex u li Għawdex qisu qiegħed f’xifer l-irdum.  Jekk l-oppożizzjoni qiegħda tgħaġġibha, allura l-Ministru u kull min jaqbel magħha kif jiġġustifikaw il-fatt li l-figuri tan-nies qiegħda qegħdin dejjem jiżdiedu?  Smajna li l-oppożizzjoni tilgħab bil-figuri, pero’, nikkwotaw liema figuri nikkwotaw u ninterpretawhom kif ninterpretawhom, qiegħda dejjem tirriżulta żieda.    

Il-Ministru qalet ukoll li ħafna minn dawk li tilfu l-impjiegi fil-fabbriki, jiġifieri mis-settur tal-manifattura, reġgħu impjegaw ruħhom, pero’ mhux fl-istess ġeneru ta’ xogħol iżda fil-qasam tas-servizzi, fil-qasam tat-turiżmu, fil-qasam tal-kostruzzjoni, fil-qasam ta’ l-istruttura u fil-qasam tal-biedja u s-sajd.   Ovvjament, hija xi ħaġa far fetched biex minn machine operator, persuna tmur taħdem f’dawn is-setturi.  Lill-Ministru ngħidilha li jekk tmur on a case to case basis issib li ftit kienu dawk li meta spiċċaw mill-fabbriki, reġgħu impjegaw ruħhom, għax ma setgħux isibu jobs addattati għalihom.    

 

Biżżejjed infakkru li fir-rigward tas-settur tal-manifattura, il-Ministru qaltilna li l-possibilita’ li jkollna fabbriki mdaqqsa hija remota.  Allura dawn in-nies żgur li ma setgħux jimpjegaw ruħhom f’dan is-settur.  Il-ministru suppost li taf b’dawn l-affarijiet għax in-nies li qed jieħdu r-relief żdiedu, filwaqt li n-nies li qegħdin jiġu boarded out żdiedu wkoll.  Lil dawk in-nies li spiċċaw bla xogħol u  min jaf minn liema kalvarju għaddejjin, hekk għandu jgħidilhom il-gvern, li l-oppożizzjoni qiegħda tgħaġġibha! Min jaf jekk lill-ħaddiema fil-cafeteria tal-Gozo Channel wkoll qalulhomx li aħna qegħdin ngħaġġbuha?  Min jaf jekk lil dawk li tilfu l-job tagħhom jew li qegħdin taħt il-mannara tas-sensja, huwiex qiegħed jgħidilhom l-istess!?  

L-Onor. Refalo qal Ii l-figuri juru biċ-ċar li l-maġġor parti tan-nies qegħda f’Għawdex huma żgħażagħ ta’ taħt it-30 sena.  Hekk se jgħidilhom il-gvern lin-nies li qegħdin jitilfu l-impjieg tagħhom, li aħna qegħdin ngħaġġbuha?  Hekk se jgħidilhom lil dawk li jaħdmu fil-fran, li qegħdin jikkunsidraw li jnaqqsu l-ħaddiema minħabba ż-żieda fil-prezz tal-pitrolju u minħabba s-surcharge tad-dawl u l-ilma?  Hekk se jgħidilhom lill-ħaddiema tal-Merit, ta’ l-MP clothing  u ta’ l-MDP?  

Il-gvern jgħid li jrid jgħin lill-investitur biex f’Għawdex jiġi ġġenerat ix-xogħol, iżda l-ġimgħa l-oħra, il-Prim Ministru  qalilna li għalkemm jixtieq jagħti lil Għawdex iktar minn 40%, ma jistax għax jekk jagħti lil Għawdex irid jagħti lil Malta .  Filwaqt li dan il-gvern jgħid li hemm bżonn li Għawdex jingħata l-għajnuna, meta niġu għas-si u n-no jgħid li ma jistax.    

F’dan ir-rigward,  kulma jrid isir hija emenda fil-liġi, li tista’ ssir kull ħin għax peress li n-naħa tal-gvern għandha l-maġġoranza ta’ siġġijiet, tgħaddi żgur.  Dan il-gvern, fir-rigward tal-ħdud u l-festi biss jagħmilhom l-emendi.  Fir-rigward tal-kwestjoni ta’ l-40%, il-pożizzjoni tiegħu diġa’ ċċaraha u din l-emenda m’huwiex se jagħmilha.    

Smajt ukoll li se jiġu riveduti l-huts li hemm fil-crafts village ta’ Għawdex.  Ninsab infurmata li l-gvern, tramite l-Malta Enterprise , qiegħed jitlob lill-kerrejja żieda fil-kera ta’ erba’ darbiet iktar milli għandhom bħalissa.  Dawn in-nies, li jridu jaħdmu u jridu jaqilgħu x’jieklu, qegħdin jgħiduli li dan huwa wisq għalihom. Jien ngħid lil min trid tgħinu, se tkompli tgħabbih iktar u titolbu jħallas ammont li ma jiflaħx għalih?  Jien qiegħda nifhem li lil dawn in-nies, il-gvern qiegħed jgħidilhom biex jitilqu bil-pulit.  B’dan il-mod irid jgħin lis-settur tal-manifattura?  F’dawn il-huts, dak li jsir hu li n-nies jipproduċu u jbiegħu il-prodotti tagħhom stess.    

Il-gvern qiegħed jirrikonoxxi l-fatt li t-turiżmu huwa importanti ħafna għall-gżira Għawdxija, pero’, bir-rispett kollu ngħid li dan is-settur għandu bżonn iqum fuq saqajh, kemm jista’ jkun malajr.  Issa qegħdin jissemmew il-golf course, il-Casino, il-yacht marina, li huma affarijiet tajbin, pero’ skond fejn isiru.  Aħna naqblu ma’ dawn l-proġetti, pero’ ma nistax ma ngħidx li l-partit Laburista ilu li għamel dawn il-proposti mill-1996, 1997, 1998, jiġifieri bejn sitt snin u tmien snin ilu.  Jekk il-gvern kellu dawn il-proposti quddiemu fuq platt tal-fidda, x’ġara?  Jaqaw, għax qabel kien qiegħed jipproponihom il-partit Laburista, dawn il-proposti kienu ħżiena, u issa, għax qiegħed jipproponihom il-gvern Nazzjonalista, saru tajbin?  Dawn huma anomaliji li wieħed għandu jagħti kashom.    

Fir-rigward tas-surcharge fuq id-dawl u l-ilma, il-Prim Ministru qalilna li iva, hemm surcharge ta’ 17%, pero’ fis-settur tat-turiżmu, stabbilimenti eċċ., se jkun hemm capping ta’ Lm5,000.  Iżda kif jista’ jitqiegħed kulħadd f’keffa waħda?  Kif jista’ jkun li l-lukandi f’Għawdex, li għandhom bedding capacity u occupancy rate inqas minn ta’ Malta , jitqiegħdu fl-istess xkaffa u jiġu kkunsidrati bl-istess mod? Dan id-diskors mhux jien qiegħda ngħidu imma qalu Dr. Michael Caruana, il-president tal-Gozo Business Chamber, meta ġie intervistat fuq Radio 101.    

Diversi xhur ilu, kont qajjimt il-fatt li f’Għawdex qegħdin nitilfu ħafna negozju mill-cruise liners, minħabba l-fatt li l-Gozo Channel tiċċarġja lil kulmin jinżel l-art il-full fare tal-vapur, minkejja li ma jkunx qiegħed isir użu mis-servizz.  Tan-naħa tal-gvern, jew ma kinux jafu jew taparsi ma kinux qegħdin jagħtu kas.   Meta cruise liner wara l-ieħor ma bdewx jinżlu f’Għawdex iżda bdew joqogħdu jduru bil-boats tagħhom, il-Ministru Debono ġiet fuq l-istazzjon tal-partit Laburista u qaltilna biex ma ninkwetawx għax l-affarijiet ġew irranġati u t-tariffi tneħħew. Issa tneħħew, wara li għadda s-sajf!    

Dan huwa eżempju klassiku tal-mod li bih jaħdem dan il-gvern, fejn l-ewwel ma jagħmel xejn, ma jagħtix widen, imbagħad, meta jiġi dahru mal-ħajt u jispiċċa kkritikat minn kullimkien, jagħmel xi ħaġa.  Huwa għalhekk li aħna f’Għawdex qatt ma nieħdu r-ruħ, għax ir-rimedji jittieħdu meta jkun tard wisq, too little, too late, kif qal il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni.    

L-istess ġara fil-każ tal-helicopter.  Fl-aħħar t’Ottubru ta’ din is-sena spiċċajna mingħajr dan is-servizz.  Ilna nafu li s-servizz tal-helicopter se jiġi sospiż.  Biss biss, fl-14 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra kont staqsejt lill-Ministru Austin Gatt xi pjanijiet għandu l-gvern f’dan ir-rigward, u r-risposta kienet li l-fatt li s-servizz tal-helicopter se jieqaf kienet suppożizzjoni tiegħi.  Dakinhar lill-Ministru kont tlabtu biex ikun korrett u jispjegalna x’se jiġri, pero’, m’għamel xejn.  L-ewwel qalulna li l-helicopter m’huwiex vijabbli – għax Alla jbierek, f’Għawdex xejn m’hu vijabbli – imbagħad qalulna li l-helicopters li kienu joperaw kienu perikolużi, u issa qegħdin jgħidulna li kienu qegħdin jikkuntrattjaw, imma l-prezzijiet kienu għoljin wisq.  Issa, proprju fil-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru qalilna li kienu se jikkonkludu ftehim, iżda meta l-operatur sema’ lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jitkellem dwar is-sussidji, infurmana li ried sussidju hu ukoll.  L-Onor. Gonzi qal li għandu l-korrispondenza, imma għal xi raġuni, minkejja li tqiegħdu ħafna affarijiet fuq il-Mejda tal-Kamra, din il-korrispondenza għadha ma ġietx imqiegħda.    

B’min iridu jidħku dawn tal-gvern Nazzjonalista?  Qiegħda ngħid hekk għax kienu jafu li ma kinux se jikkonkludu ftehim, u ngħid għaliex.  Lill-membri tal-protezzjoni ċivili li suppost ġew f’Għawdex fl-aħħar ta’ Novembru biex jaħdmu mal-helicopter il-ġdid, ivvintawlhom xi korsijiet biex ma jiġux fl-aħħar ta’ Novembru imma jiġu ħafna wara.  Dan sar qabel ma l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni semma’ s-sussidju, jiġifieri l-fatt li l-ftehim ma sarx ma kinetx kwestjoni ta’ sussidju.    

Fil-11 ta’ Novembru, il-Ministru Debono qaltilna li l-gvern kellu kuntatt ma’ kumpannija Ingliża, pero’ m’għalaqx il-bibien għal min wera interess dan l-aħħar. Mela jekk hemm min għandu interess, x’qiegħed jistenna l-gvern biex f’Għawdex ikollna servizz tal-helicopter?   Dan qalitu wkoll l-MHRA, fl-istqarrija li semma l-Prim Ministru stess.  X’qiegħed jistenna dan il-gvern, li jerġa’ jiġri bħalma ġara meta l-vapur ma ħadimx u nqala’ kaos sħiħ!  Għax ma ngħidux li hemm 17-il operatur turistiku barrani li lil Għawdex eliminah kompletament minn fuq il-brochures, proprju għax m’hemmx is-servizz tal-helicopter!   Dan huwa dak li rridu ngħidu lill-poplu!  

Issa l-gvern qiegħed jgħid li hemm bżonn li Għawdex jiġi reklamat bħala destinazzjoni separata minn Malta .   Aħna ilna s-snin ngħidu dan, imma l-gvern issa stenbaħ.  Il-GTA ma qagħditx tistenna lill-gvern u nediet brochure dwar Għawdex.  F’dan l-istadju nixtieq nagħmel riferenza għal dak li qal id-deputat Nazzjonalista, l-Onor. Franco Galea, li kiteb fil-ġurnal Malta Today dwar il-proposta tal-marketing ta’ l-MTA u dwar iż-żieda kif proposta mill-gvern.  Jien naqbel ma’ l-Onor. Galea għaliex iva, il-promozzjoni qiegħda ssir l-iktar fuq l-inizjattiva ta’ dawk involuti fis-settur.    

Jien immur oltre minn hekk.   Il-gvern jgħid li jirrikonoxxi lill-GTA.  Mela għaliex din l-assoċjazzjoni ma tingħatax l-istatus li jixirqilha u tiġi allokata budget biex taħdem hi għat-turiżmu.  Kif qal il-kollega tiegħi, huma l-GĦawdxin li jafu x’hemm bżonn f’Għawdex.  GĦandi dubji kbar kemm l-MTA, bil-marketing staff kollu li għandha, hijiex kapaċi tagħmel għal Għawdex dak li għamlet il-GTA. Biżżejjed insemmi l-booklets li nħarġu.    

Mr Chairman, biex nattiraw turisti ta’ kwalita’, Għawdex irid jiġi msebbaħ.  Hemm bżonn li naħdmu biex ikollna ambjent b’saħħtu u nadif.   Meta t-turist jasal f’Għawdex, kulma jara quddiemu hija massa tal-concrete, li huwa l-proġett tat-terminal, li suppost ilu lest, pero’ ġie ridimensjonat u ħlief planki tal-konkos u biċċiet ‘l hawn u ‘l hemm m’hemmx.  Id-data tat-tlestija kemm-il darba ġiet estiża, għax skond dan il-gvern, għal Għawdex kollox jgħaddi!  It-turisti li jiddeċiedu li jżuru lil Għawdex ikollhom xorti jekk ma jinzertawx jaqsmu l-fliegu ma’ l-iskart, bħalma qegħdin nagħmlu aħna.    

Mill-estimi jidher li hemm tnaqqis ta’ Lm5,000 fl-embellishment programmes fuq is-sena li għaddiet.  Anke fir-rigward ta’ l-environment protection works, minkejja l-awareness u d-daqq tat-trombi dwar l-importanza ta’ l-ambjent, l-ammont għal dawn l-aħħar tliet snin baqa’ l-istess.    

Ma nistax ma nsemmix lill-Gozo Channel, li hija l-unika link li għad baqa’ bejn iż-żewġ gżejjer.  Ilna nisimgħu ħafna bir-ristrutturar tal-Gozo Channel, żidiet tat-tariffi kien hemm, se jerġa’ jkun hemm, u s’issa diġa ġew issensjati 20 ħaddiem minn ma’ din il-kumpannija.  Barra minn hekk, teżisti tensjoni kbira u rebus sħiħ fost il-ħaddiema, anke minħabba problemi ta’ shifts.  Ma nistax ma nsemmix id-diskriminazzjonijiet kbar li qiegħed ikun hemm fir-rigward ta’ l-overtime.  Barra minn hekk, ħafna ħaddiema qegħdin jiġu mġiegħla jieħdu forced leave.  Per eżempju lit-terminal attendants Għawdxin li jaħdmu fiċ-Ċirkewwa, qiegħed jitteħdilhom in konsiderazzjoni t-travelling time u allura qegħdin jiġu ppreġudikati biex jikkwalifikaw għall-overtime, filwaqt li qegħdin jiġu mġiegħla jieħdu forced leave qabel suppost jeħduh.    

L-indafa fuq il-vapuri hija fi stat diżastruż.  Hija għarukaża li f’ċerti ħinijiet, wieħed jitqażżeż jgħaddi minn ċerti postijiet fuq il-vapuri.  Dan kollu li qiegħda nsemmi għandu impatt negattiv fuq is-servizz tal-Gozo Channel, speċjalment għalina l-Għawdxin li nużawh ta’ kuljum.    

Mr Chairman, il-ġimgħa l-oħra smajna li ħarġet press release mill-Ministeru għal Għawdex dwar il-famuż pjan għall-ħames snin li ġejjin.  Skond l-istqarrija, kienu mistednin l-istakeholders kollha ta’ Għawdex imma aħna l-membri ta’ l-oppożizzjoni ma konniex preżenti.  Għalhekk nixtieq li l-Ministru, jekk jogħġobha, tikkunsidrana bħala stakeholders ukoll.  Lili assiguratni li se tagħtini kopja appena dan il-pjan jiġi pubblikat,  u ta’ dan nirringrazzjaha minn issa.    

Milli nista’ nifhem, dan il-pjan huwa mfassal fuq l-istess binarji tal-proposti kif kontenuti fil-budget tal-gvern.  Fid-diskors tagħha, il-Ministru forsi tilluminana u tagħtina xi anteprima dwar il-kontenut ta’ dan il-pjan.  Nisperaw li ma jiġrix bħalma ġara fil-każ tar-rapporti l-oħrajn kollha,  li lill-poplu swewh ħafna flus, kien hemm ħafna storbju dwarhom, imbagħad ma sar xejn, bħalma ġara fil-każ tal-famuż proġett tal-parkeġġ tar-Rabat u tal-qorti, eċċ.    

 

Ma jistax jonqos li f’dan l-intervent ma nitkellimx dwar is-settur tas-saħħa f’Għawdex.  Jien nemmen li fejn tidħol is-saħħa, aħna l-Għawdxin qegħdin niġu trattati ħafna inqas mill-Maltin, għax hemm nuqqas ta’ makkinarju u għalhekk, il-pazjenti minn Għawdex jiġu riferuti f’Malta jew anke f’xi sptar privat.  Naf li saru xi xogħlijiet fil-maternity ward, li hija xi ħaġa tajba ħafna, pero’ nixtieq inkun naf x’makkinarju ġie ordnat.  F’dan ir-rigward, f’Ottubru kont għamilt mistoqsija parlamentari,  liema mistoqsija għadha pendenti u għalhekk ma nistax nikkummenta għax il-Ministru ma tatnix l-informazzjoni li tlabt.  Naf ukoll li m’hemmx biżżejjed flus biex jiżdied l-istaff, biex jiġi pprovdut l-ikel għall-pazjenti, biex jitħallas il-kuntrattur tal-linen u biex isiru xogħlijiet ta’ maintenance, speċjalment fil-wing tal-mental health, fejn hemm problemi fis-sistema ta’ l-elettriku u leakages fl-ilma, li huma ta’ periklu kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-ħaddiema.  Lanqas friskaturi biex il-pazjenti jkunu jistgħu jinħaslu m’hemm.    

Pero’, Mr Chairman, l-iktar ħaġa li tkiddni hi meta nara l-vann mimli bil-pazjenti sejjer lejn Malta għal trattamenti fl-isptar Boffa jew f’St.  Luke’s, minħabba n-nuqqas ta’ apparat mediku li hemm f’Għawdex.  Sfortunatament, ir-rata tal-kanċer f’Għawdex qiegħda dejjem tiżdied.  Fil-fatt jirriżulta li s’issa hemm 487 persuna reġistrata li qiegħda ssofri minn din il-marda, ċifra li tammonta għal 7.7% tal-popolazzjoni ta’ Għawdex.  Lill-Ministru Deguara staqsejtu jekk it-trattamenti għall-kanċer jistgħux isiru f’Għawdex, pero’ qalli li m’huwiex vijabbli. Sfortunatament għal Għawdex, xejn m’hu vijabbli.  F’dan ir-rigward, minn informazzjoni li akkwistajt sibt li hemm tip ta’ trattamenti li jsiru permezz ta’ injezzjonijiet u allura jistgħu faċilment isiru f’Għawdex.  Allura għaliex ma jsirux? F’mistoqsija parlamentari oħra, il-Ministru Deguara qalli li l-Għawdxin għandhom preċedenza għat-trattamenti fl-isptarijiet f’Malta, peress li jkunu jridu jmorru lura lejn Għawdex, pero’ ħafna nies ilmentaw miegħi għax dan m’huwiex qiegħed isir. Hemm bżonn li nifhmu t-tbatija, kemm fiżika kif ukoll psikoloġika, li qegħdin jgħaddu minnha dawn in-nies u l-familji tagħhom.    

Kwestjoni oħra li qiegħda tinkwetani hija dik li tittratta dwar is-sussidju li jingħata lill-Għawdxin għall-ġarr ta’ merkanzija bejn Malta u Għawdex bil-Gozo Channel. Fil-mistoqsija parlamentari numru 8268, staqsejt lill-Ministru jekk dan is-sussidju huwiex se jibqa’ jingħata.  Ir-risposta tagħha kienet fl-affermattiv.  Jien mort lura għat-trattat li għamel pajjiżna ma’ l-Unjoni Ewropea u rajt id-dikjarazzjoni li għamlet Malta dwar ir-reġjun ta’ Għawdex, fejn hemm imsemmi perjodu transitorju għat-trasport.   Dan ifisser li hemm perjodu ta’ żmien biex dawn is-sussidji jitneħħew.    

Irriferejt ukoll għall-fuljett Negotiations on Gozo, maħruġ mill-MIC, fejn Dr. Simon Busuttil qal li transport aid for industry in Gozo will continue till 2011.  Dan ifisser b’mod ċar li sa l-2011, dan is-sussidju jrid jiġi phased out.  Għalkemm il-Ministru kienet taf b’dan, għax il-pjan tal-ħames snin kienet diġa’ għamlitu, lili xorta waħda kkonfermatli fl-affermattiv.  Allura dan m’huwiex daħk fil-wiċċ!? Jew iva jew le!  Naf li l-Ministru, waqt l-intervent tagħha se toqgħod tgħidilna kemm ġibna flus mill-Unjoni Ewropea u kemm se jsiru affarijiet.  J’Alla l-ġid!  Aħna b’hekk nieħdu pjaċir, iżda d-domanda tiegħi hija waħda u sempliċi.  Jekk għandna dawn il-flus kollha, għaliex f’Għawdex m’hu qiegħed isir assolutament xejn?  Dan m’iniex qegħda ngħidu jien biss u din m’hijiex kwestjoni ta’ Laburisti u Nazzjonalisti jew ta’ kbar u żgħar.    

L-Onor. Refalo kkwota lill-gazzetti.  Jien qiegħda nirreferi għal dawn.  Dawn l-affarijiet m’aħniex qegħdin ngħiduhom aħna biss imma qiegħed jgħidhom kulħadd.  Kultant niddubita jekk il-Ministru tkunx taf x’inhu jiġri.   Meta għidt dan f’dibattitu ieħor, l-Onor. Louis Galea qalli li dażgur li l-Ministru tkun taf x’inhu jiġri, Allaħares min imiss lil Għawdex tagħha!  Lill-Onor. Debono nistaqsiha fejn kienet meta l-pustiera f’Għawdex ttieħdu jaħdmu f’Malta.  Nistaqsiha fejn kienet meta 20 ħaddiem tal-Gozo Channel ġew issensjati.  Nistaqsiha fejn qiegħda għall-ħaddiema ta’ l-MDP f’Għawdex, li se tagħlaq u allura se tkeċċi lin-nies?    

Fejn tkun il-Ministru għall-pazjenti li ta’ kull filgħodu jmorru lejn Malta ?  Fejn kienet għall-impjegati li tkeċċew mill-fabbriki u għall-ħaddiema tal-heliport, li ttieħdu lejn Malta u issa, l-allowances tagħhom qegħdin jiġu attakkati minn tas-civil protection?.  Fejn tkun il-Ministru għar-residenti tax-Xewkija, meta jilmentaw dwar l-irwejjaħ ta’ l-inċeneratur u dwar l-emissjonijiet perikolużi?  Għalkemm f’dan ir-rigward saret laqgħa pubblika, la l-Ministru u lanqas xi rappreżentant tagħha m’attendew biex jisimgħu l-ilmenti.    

Fejn tkun l-Onor. Debono meta l-ġenituri ta’ l-istudenti jilmentaw minħabba n-nuqqas ta’ għalliema f’Għawdex?  Biss biss, matul din il-ġimgħa smajt omm tilmenta fuq stazzjoni tar-radju għax it-tifel tagħha, li qiegħed jitgħallem il-chemistry fis-sixth form, qiegħed jintbagħat jitgħallem dan is-suġġett ma’ l-istudenti ta’ l-iskola sekondarja.  Mela dawn in-nies  m’humiex parti minn Għawdex ukoll?    

Jien ma nippretendix li l-Ministru toqgħod tieħu l-pariri tiegħi, pero’, la taf x’inhuma l-problemi t’Għawdex, nippretendi li tindirizzahom.  Nixtieq li lilna bħala partit Laburista tibda tikkunsidrana bħala stakeholders ukoll fl-affarijiet t’Għawdex. Wara kollox, aħna qegħdin hawn biex niġġieldu għal Għawdex.  Jekk issir xi ħaġa tajba, aħna nieħdu gost biha pero’, jekk ma jsir xejn jew jekk isiru affarijiet ħżiena, id-dover tagħna hu li lill-Ministru niġbdulha l-attenzjoni u niġbdulha r-riedni.    

Meta nagħmlu dan, il-gvern m’għandux għalfejn jikkritikana.  Aħna ma niġux hawnhekk biex nikkritikaw lill-Ministru fuq bażi personali imma niġu hawn biex nikkritikaw lill-operat tal-gvern.  Jekk il-gvern jipprova jwaqqagħna għar-redikolu, ikun qiegħed jirredikola wkoll lir-rieda u lill-opinjoni tal-poplu Għawdxi.  L-ewwel interess tagħna d-deputati Għawdxin għandu jkun l-interess ta’ Għawdex u ta’ xejn aktar.  Aħna m’aħniex qegħdin hawnhekk biex niggwadanjaw xi simpatija mingħand il-votanti Għawdxin, kif allegat il-Ministru f’diskors preċedenti.

 Nirringrazzjak.  

 

© 2007 - Justyne Caruana