|
|
||||
|
Diskors tal-Budget rigward il-Ministeru ghaz-Zaghzagh u l-Kultura nhar 12.12.03 |
||||
|
ONOR. JUSTYNE CARUANA : Sur President, mill-aħħar budget ’l hawn is-segretarjat parlamentari għaż-żgħażagħ, kultura u sport sar ministeru u fil-bidu tal-parlament aħna konna ħadna l-okkażjoni biex nifirħu lill-ministru l-ġdid. In vista ta’ din il-qabża, minn segretarjat għal ministeru, wieħed kien jistenna wkoll qabża fil-kwalita` ta’ l-operat. Konna nistennew ħidma sfiqa u intensifikata u sa ċertu punt anke speċjalizzata fil-qasam taż-żgħażagħ, kultura u sport. Jien segwejt l-operat tal-ministeru u tal-ministru sa mill-bidu nett u aħna l-membri ta’ l-oppożizzjoni fhimna li kull ħaġa li tkun fil-bidu tagħha trid ċertu żmien sakemm tingrana. Aħna osservajna u ħadna l-views tagħna pero` qgħadna lura milli nagħmlu ċerti kummenti. Iżda issa qegħdin fi żmien il-budget u allura wasal il-ħin li nagħmlu dawn il-kummenti. Sur President¸ meta l-ministru kien jikteb fil-media kont waħda minn dawk li kont nirrispondih. Ovvjament m’għandi xejn kontra l-ministru pero` dejjem emmint li fejn jidħlu kultura u sport m’għandhomx jidħlu kuluri. Kif qal tajjeb l-Onor. Abela, anke fejn tidħol l-għażla tan-nies m’għandna naraw la wċuħ u lanqas partiġjaniżmu. Il-kultura u l-isport għandhom ikunu over and above il-politika. Meta l-kritika li konna nagħmlu u li se nibqgħu nagħmlu tintlaqa’ bi spirtu tajjeb nemmen li tista’ tħalli l-frott u dan huwa ta’ benefiċċju għas-soċjeta` in ġenerali. Bħala żagħżugħa nħoss li f’dan il-budget il-gvern ma kkonsidrax il-bżonnijiet tagħna. Dejjem jgħidulna li ż-żgħażagħ huma l-futur ta’ għada u li hemm bżonn ninvestu fihom biex ikollna soċjeta` aħjar. Nemmen li l-gvern għandu l-obbligu li jagħmel dan kif għandu wkoll l-obbligu li jara li l-ġejjieni tagħna ż-żgħażagħ ikun sod. B’hekk inkunu nistgħu nissodisfaw l-aspirazzjonijiet tagħna biex finalment insibu postna fis-soċjeta`. Pero` sfortunatament il-budget li offrielna l-gvern Nazzjonalista ma tantx awgura tajjeb għall-ġejjieni, u dan minkejja l-ħafna wegħdiet li saru qabel l-elezzjoni. Iż-żgħażagħ kienu t-target tal-partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni. Fil-fatt minkejja li wegħedhom ħafna affarijiet irriżulta li dawn kienu wegħdiet fiergħa u illużorji għax spiċċaw fix-xejn. Mhux talli hekk, talli fid-diskors tal-budget - din għedtha dalgħodu u se nerġa’ nirrepetiha - il-kelma “żgħażagħ” tidher darba biss. Fil-fatt din tidher fejn il-ministru tal-finanzi qal: "Il-mira tal-gvern hi li aktar żgħażagħ ikomplu l-istudji tagħhom f’livelli għolja.". Din sostnieha riċentement ukoll il-ministru meta kien qed jitkellem dwar il-benefiċċji ta’ l-MCAST fil-konfront taż-żgħażagħ u semmieha wkoll il-ġimgħa l-oħra l-Ministru Galea li qal li matul is-snin in-nefqa fl-edukazzjoni kibret. Dawn kollha huma affarijiet tajbin u aħna naqblu magħhom, mela le! Wara kollox l-affarijiet fil-pajjiż bdew mexjin ’il quddiem meta l-edukazzjoni bdiet miexja ’l quddiem. Pero’ jkun tajjeb li wieħed igħid ukoll li kien bis-saħħa tal-gvern Laburista, speċjalment bl-impenn ta’ Agatha Barbara meta kienet ministru ta’ l-edukazzjoni li l-bibien ta’ l-edukazzjoni nfetħu għal kulħadd b’xejn. Pero’ l-gvern ma jistax jillimita ruħu għall-edukazzjoni biss imma jrid imuru oltre għax meta l-istudenti jispiċċaw mill-istudji tagħhom iridu jinfiltraw fid-dinja tax-xogħol. Barra minn hekk mhux kulħadd huwa inklinat biex jistudja. Allura x’se jiġri minn dawn iż-żgħażagħ X’offra dan il-budget lil dawn iż-żgħażagħ? X’offra dan il-gvern mill-elezzjoni ’l hawn lil dawk iż-żgħażagħ li tilfu x-xogħol Naħseb li lkoll naqblu li s-sitwazzjoni fil-pajjiż m’hijiex mill-aħjar. Hija diffiċli għal kulħadd u ħafna żgħażagħ, speċjalment dawk ta’ taħt it-30 sena, huma l-aktar li qed jintlaqtu mill-qgħad li hawn f’pajjiżna. Sur President, il-gvern qed jonqos mill-wegħdiet li għamel qabel l-elezzjoni meta kienu qalulna li se jkun hawn ix-xogħol u li x-xogħol jiġri wara n-nies. Minn dan ma jien qed nara xejn. Il-gvern qed jonqos milli jindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ taħt il-30 sena u l-iktar ħaġa li qed tinkwetani hija l-apatija tal-gvern. Il-gvern dejjem lest li jipponta subgħajh lejna l-membri ta’ l-oppożizzjoni u jgħidulna li aħna l'uccello del malaugurio u lanqas naf x’ma jgħidulniex! Aħna l-iskop tagħna hu li nġibu ’l quddiem l-interessi ta’ dawn iż-żgħażagħ. Huwa d-dover tal-gvern li jinvesti fil-ġenerazzjoni l-ġdida u jara kif isolvi l-problema u mhux jitfagħha taħt it-tapit. Per eżempju, jien dejjaqni l-mod leġġer ta’ kif il-prim ministru indirizza din is-sitwazzjoni ta’ l-impjiegi. Dalgħodu dejqitni l-ministru għal Għawdex tgħid li aħna ta’ l-oppożizzjoni qed nagħmlu ħafna stagħġib bla sens. Din ġabet xi ċifri, ammettiet li veru kien hemm terminazzjoni ta’ impjiegi pero` qalet li dawn in-nies marru jaħdmu x’imkien ieħor. Mela dawk biss hemm mingħajr xogħol? Dawk il-mijiet li qed jispiċċaw mill-iskola kull sena, fejn qegħdin imorru jaħdmu Fejn se jmorru jaħdmu dawk in-nies li qegħdin jirreġistraw u dawk in-nies li qegħdin bir-relief u jibbenefikaw mill-benefiċċji soċjali Dan huwa sinjal li għandna l-problemi! Dan qed ngħidu mill-esperjenza personali tiegħi għax kważi kuljum jiġi xi ħadd bil-problema ta’ nuqqas ta’ xogħol. Kulħadd jokrob għax-xogħol! Allura kif jista’ dan il-gvern jgħid li m’hawnx problema ta’ xogħol M’hawnx problema ta’ xogħol meta aħna qed ngħixuha kuljum X’se jiġri minn dawk iż-żgħażagħ li b’tant sagrifiċċji tagħhom u tal-familji tagħhom għadhom kemm iggradwaw mill-universita` X’garanzija qed jagħtihom dan il-gvern li issa li spiċċaw mill-universita` se jsibu xogħol relatat ma’ l-istudji tagħhom u xogħol li ma jkunux overqualified għalih Se nispiċċaw bħall-Italja fejn tara nies jagħmlu jobs ta’ ftit flus u mbagħad issib li huma gradwati fil-ġurisprudenza u fil-letteratura eċċ. X’se ngħidulhom lil dawn Morru aħdmu barra L-ETC qed toffri korsijiet biex imorru jaħdmu barra, pero` x’se nkunu qed nippromwovu b’daqshekk Qed inħeġġu liż-żgħażagħ jitilqu mid-djar tagħhom, jitilqu l-familji tagħhom biex imorru jaħdmu barra, bħalma ġara fis-snin sittin meta ma kienx hawn xogħol f’pajjiżna Ladarba qegħdin nitkellmu fuq iż-żgħażagħ nixtieq ngħid kelma fuq Għawdex ukoll. F’Għawdex għandna ċ-ċokon u l-limitazzjonijiet tagħna. Meta jkollok fabbrika li tkeċċi 100 ruħ f’daqqa r-riperkussjonijiet se nħossuhom iktar u ż-żgħażagħ tagħna m’għandhomx ħafna bibien fejn imorru jħabbtu. L-anomalija hija li qabel l-elezzjoni l-partit Nazzjonalista kien wiegħed u kien iggarantixxa li se jiġi ġġenerat aktar xogħol f’Għawdex biex iż-żgħażagħ Għawdxin ikollhom fejn imorru jaħdmu. Pero’ mhux talli ma ġarax hekk, talli ġara bil-kontra; il-ftit xogħol li kien hemm sparixxa u ż-żgħażagħ Għawdxin qed ikollhom imorru jaħdmu Malta . Ma rridux ninsew ukoll li dan il-gvern għamel it-taxxa fuq l-qligħ kapitali fuq il-proprjeta` li tkun ġejja minn wirt u din ma rridux nissottovalutawha. Jien naħseb li b’din il-miżura l-prezz tal-proprjeta` se jogħla konsiderevolment minħabba ż-żieda fil-prezzijiet li jridu jagħmlu tajjeb għat-taxxa li jridu jħallsu. Ma jaħsibx il-ministru li l-proprjeta` hija diġa` għolja biżżejjed, speċjalment għal dawk iż-żgħażagħ li ġejjin minn familji tal-ħaddiema It-tfal tas-sinjuri ma tantx se jħossuha għax għandhom min jippompjalhom, imma t-tfal tal-ħaddiema x'se jagħmlu Sakemm nista’ nantiċipa jien din hija just the tip of the iceberg, imma minjaf x’għadu ġej, minjaf x’għad irridu nisimgħu matul is-sena d-dieħla! Sur President, dawk iż-żgħażagħ li jridu jixtru l-ewwel dar tagħhom iridu jissellfu mill-bank, u l-bank mhux skond l-income tiegħek jagħtik Il-bank mhux persentaġġ biss jagħtik? Hemm xi inċentiv maħsub għal dawn Ma naħsibx li l-ministru ħaseb dwar dawn id-domandi. Kieku ħareġ b’xi inċentiv jew b'xi ħaġa li tpatti għal dan, kieku ħareġ idoqq it-trombi. Pero` dan ma seħħx. Din hija ħasra għax iż-żgħażagħ għandhom bżonn inkoraġġiment. Sur President, iż-żgħażagħ għandhom ħafna x’joffru u għandhom ħafna enerġija pożittiva iżda jridu s-support biex ikunu jistgħu jesprimu dan. L-għan ta’ kull gvern għandu jkun li joħloq opportunitajiet u żbokki imma dan il-gvern qed jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel. Il-problemi jeżistu imma, kif diġa` għedt, il-gvern qed jipprova jpoġġihom taħt it-tapit. Minflok jegħlibhom jipprova jinjorahom imbagħad jipposponi s-soluzzjonijiet u minn hawnhekk jistieden lill-oppożizzjoni biex tforni s-soluzzjonijiet hi, li ma tantx jagħmel sens, bir-rispett kollu. Għalhekk jien minn hawn nixtieq nesprimi s-solidarjeta` tiegħi maż-żgħażagħ u nħeġġeġ lill-gvern biex juri appoġġ fil-konfront tagħhom u mhux jinjorahom u jbegħedhom iktar. Problema kbira li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ in partikoalri huwa l-vizzju tad-droga li hija pjaga f’pajjiżna. Huwa fatt inkonfutabbli li ż-żgħażagħ qed jispiċċaw jisfogaw fid-droga, min għal raġuni u min għal oħra. Ir-raġunijiet ivarjaw u jvarjaw anke mid-diversi strata soċjali, mhux limitatament għal xi klassi jew oħra. L-abbuż tad-droga jġib konsegwenzi kemm liż-żagħżugħ innifsu, kemm lill-familja tiegħu li tbati minħabba fih, u anke lis-soċjeta` in ġenerali għax bħalma nafu, il-vizzju tad-droga għandu ċerti konsegwenzi anke fejn tidħol il-kriminalità. Sfortunatament spiċċajna f’sitwazzjoni fejn id-droga f’pajjiżna hija aċċessibbli faċilment, speċjalment f’postijiet ta' divertiment, fejn suppost iż-żgħażagħ imorru biex jirrilassaw, jinsew ftit il-problemi ta’ l-istudji u tax-xogħol u jgawdu ftit il-ħajja. Il-gvern jiftaħar kemm qed jitressqu nies il-qorti fuq abbuż tad-droga imma dan ma jfissirx li kibret iċ-ċirkolazzjoni tad-droga? Ħafna żgħażagħ qed jabbużaw anke mill-alkoħol u dan jirriżulta mhux biss mill-istatistika riċenti, imma anke min-numru dejjem jiżdied ta’ żgħażagħ li qed jirrikorru għall-għajnuna. Hawnhekk jidħol ir-rwol tal-gvern li għandu jikkopera mad-diversi għaqdiet u joffri l-għajnuna, mhux bħalma ġara fil-każ ta’ l-OASI. L-OASI ta’ Għawdex hija fondazzjoni li tagħmel ġid kemm liż-żgħażagħ Għawdxin kif ukoll lil żgħażagħ Maltin għax ħafna Maltin qed imorru Għawdex biex jieħdu t-trattament. Però l-gvern naqqas il-fondi li kien jagħti tul is-snin lil din il-fondazzjoni. Ta’ min jgħid li din il-fondazzjoni toffri s-servizzi professjonali tagħha b’xejn imma minħabba dawn il-problemi finanzjarji hemm riskju li tieqaf mill-operat tagħha li tant qed jagħmel ġid. Hawnhekk nixtieq naċenna wkoll għall-premju "Żagħżugħ u żagħżugħa tas-sena" organizzat mill-OASI stess li din is-sena rebħu żagħżugħ minn Ħad-Dingli, bl-isem ta’ Aurelio. Dan kien speċi ta’ rikonoxximent lil dawn iż-żgħażagħ li jaħdmu fil-volontarjat u jagħmlu l-ġid fid-diversi istituzzjonijiet. Però għal darba oħra nerġa’ ntenni li dawn iż-żgħażagħ għandhom bżonn ta’ inkoraġġiment u sinjali pożittivi ta’ goodwill. Dan il-premju huwa xi ħaġa żgħira però meta tingħata rikonoxximent inti jkollok inċentiv which pushes you on. U dan li għandhom bżonn iż-żgħażagħ! Iż-żgħażagħ għandhom il-kapaċitajiet, però kemm hemm min jirrikonoxxihom u jgħinhom? Sur President¸ l-isport huwa mezz ta’ kif iż-żgħażagħ isibu divertiment alternattiv li jista’ jbegħedhom mill-vizzji. Sfortuntament dan l-aħħar hawn dik li jgħidulha droga soċjali li saret popolari ħafna fost iż-żgħażagħ. Dawn joħorġu, imorru l-parties u bħalma qabel kienu jissellfu s-sigaretti issa qed jissellfu l-pilloli jew il-cannabis. Din qisha saret xi ħaġa indispensabbli biex jieħdu pjaċir u f’dan il-kontest ir-rwol ta’ l-isport jakkwista dimensjoni oħra. F’dan il-qasam hemm ħafna xi tgħid u l-kollega tiegħi kien eżawrjenti f’dan is-suġġett. L-ewwel ħaġa li nixtieq ngħid dwar il-qasam ta’ l-isport hija li fl-estimi nsibu tnaqqis ta’ Lm150,000 taħt l-item construction/upgrading works and equipment for sports facilities għax fl-2003 kien hemm approvati Lm550,000 u din is-sena dan l-ammont niżel għal Lm400,000. Huwa minnu li din is-sena kien hemm il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar li mhix xi ħaġa li tiġri kull sena u m’għandix dubju li l-ministru¸ fid-diskors tiegħu, se jagħmel aċċenn estensiv għal dan il-logħob. Jista’ jkun hemm anke approprjazzjoni tal-mertu kemm għall-atleti tagħna kif ukoll għall-organizzazzjoni impekkabbli tal-kumitat olimpiku Malti. Kif qal l-Onor. Carmelo Abela, dan il-logħob kien ta’ suċċess, però rridu nħarsu 'l quddiem. X’se jiġri minn hawnhekk? Ma' l-ewwel daqqa ta’ għajn jidher li hemm tnaqqis ta’ Lm150,000 fil-vot tal-construction/upgrading works and equipment for sports facilities. Għalhekk naħseb li wasal iż-żmien li nibdew inħarsu lejn l-isport minn lenti oħra u nibdew nipproġettawh anke fuq livell professjonali. L-ewwel pass kien li ndaħħlu kultura sportiva fiż-żgħażagħ tagħna sa minn mindu jkunu żgħar u l-introduzzjoni ta’ Skolasport, kif qal tajjeb l-Onor. Carmelo Abela, kien pass importanti lejn din id-direzzjoni. Però nistgħu nimxu ħafna iktar 'il quddiem u nibdew naħsbu bis-serjetà biex ikollna skola speċjalizzata fuq l-isport. Forsi hawn min jgħid li din hija far-fetched jew forsi jaħseb li din hija xi tip ta’ skola bħal ta’ Saranno Famosi fejn l-istudenti jkollhom iż-żfin u l-kant, però f’dan il-kontest qed nitkellem fuq l-iskola ta’ l-isport. Iżda din m'hi far-fetched xejn għax il-partit Nazzjonalista fil-manifest elettorali ta' l-1998, taħt proposal no. 81 - u din imniżżla wkoll fil-website tal-ministeru - qal hekk: ‘’We will set up a specialised school for youngsters with exceptional promise in sports. We will also give bursaries for training overseas. Special assistance will be given to nurseries in various disciplines in sports.". Il-wegħda saret, però fejn wasal l-ippjanar għal dan? Għamilna l-proposta, tfajnieha għal saqajha u ħallejnieha hemmhekk? L-idea wara din l-iskola għandha tkun li nibdew inrawmu lit-tfal żgħar li jkunu promettenti f’ambjent sportiv professjonali u fl-istess ħin ikollhom anke tagħlim akkademiku. Il-problema tagħna hija li għalkemm għandna t-talent fl-isport qed niġu kostretti naqgħu f’livell ta’ dilettantiżmu minħabba n-nuqqas ta’ mezzi. Dan nistgħu narawh u joħroġ ċar meta jsiru kompetizzjonijiet internazzjonali, mhux għax l-atleti tagħna mhumiex tajbin iżda għax m’għandhomx dawk il-faċilitajiet li għandhom il-barranin u l-fakultà li jikkonċentraw fuq it-training tagħhom biss.
Sur President, taħt proposal no. 81 ingħad ukoll li jingħataw fondi lill-atleti biex imorru jagħmlu t-training barra. Nemmen li dan huwa pass ieħor importanti li għandu jagħmel dan il-gvern sabiex l-atleti tagħna jgħollu l-livelli tagħhom. In vista tas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea il-gvern għandu jagħmel l-almu tiegħu biex jara kif iġib il-fondi ħalli dawn l-atleti jibbenefikaw minnhom. U jibbenefikaw mhux biss minn flus imma anke minn opportunitajiet u minn xi arranġamenti li jagħmel il-gvern ma’ assoċjazzjonijiet jew clubs barra minn Malta biex l-atleti tagħna jkunu jistgħu jmorru hemmhekk. Dan se jkun ta’ benefiċċju kemm għalihom, għax huma jtejbu lilhom infushom, u anke għalina għax ikunu qed jgħollu l-livell ta’ pajjiżna fl-isport. Fuq nota negattiva nixtieq ngħid xi ħaġa fuq il-yacht club li se jkollu jagħlaq minħabba l-proġett ta’ Manoel Island . Safejn naf jien il-Ministru Francis Zammit Dimech kien wiegħed li dan mhux se jseħħ u, safejn naf jien ukoll, l-għaqdiet l-oħra li hemm f’Manoel Island ingħataw post alternattiv. Però fil-każ tal-yacht club dan ma sarx. Din hija ħasra għax il-yachting f’pajjiżna apparentement sejjer tajjeb ħafna u fl-aħħar tlielaq li kellna rriżulta li l-ktiba kienet aktar minn tas-sena ta’ qabel. Fil-fatt huwa antiċipat li jekk isiru s-sena d-dieħla l-parteċipazzjoni se tiżdied. Sur President, is-sitwazzjoni tal-yacht club hija anomala wkoll meta wieħed iqis li l-gvern, permezz ta’ l-avviż legali numru 384, naqqas il-VAT għal 5% minn 18% fuq ix-xiri ta’ dgħajjes u bastimenti wżati għall-passatempi u sport. Jista’ jkun li din kienet maħsuba għal xi wħud li qed jantiċipaw li jordnaw id-dgħajjes issa li l-VAT hija ridotta, imbagħad ibigħuhom meta l-VAT terġa’ tiġi kif kienet, jiġifieri wara l-31 ta’ Marzu li ġej. B'dan il-mod jagħmlu spekulazzjoni kemm fuq il-prezz tal-yacht u ovvjament fuq it-13% differenza li jkun hemm fil-VAT. Apparti minn hekk, din il-kwestjoni tista’ tħares lejha minn lenti oħra u mhux għax il-gvern jew l-Onor. Dalli jħobb il-yachting jew iħobb l-isport. Imma dawn id-dgħajjes ma jixtrihomx kulħadd għax jiswew ċertu ammont ta’ flus u allura forsi jistgħu jattiraw l-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet fiskali. Minjaf?! Id-domandi huma ħafna. Sur President, dalgħodu l-ministru għal Għawdex ma aċċennat xejn la fuq l-isport u lanqas fuq il-kultura f’Għawdex. GĦalhekk huwa opportun li nuża dan il-ħin li għandi llum. B’dispjaċir ngħid li ż-żgħażagħ Għawdxin sfortunatament mhumiex stmati daqs iż-żgħażagħ Maltin f’dan il-qasam, qisu aħna xi ċittadini tat-tieni klassi. Dan jirriżulta ċar meta naraw l-estimi. Fl-estimi għall-ministeru għal Għawdex hemm allokati Lm7,500 għall-isport li minnhom Lm5,000 huma għal Skolasport, Lm2,000 għal attivitajiet sportivi u Lm500 għat-tiġrijiet taż-żwiemel. Dan l-ammont ta’ Lm7,500 huwa żgħir ħafna meta tikkomparah ma' Lm420,000 li hemm ivvotati għall-attivitajiet sportivi u assistenza lill-organizzazzjonijiet sportivi li hemm taħt youth and sport. Id-distinzjoni hija ċara. Sur President, din id-differenza narawha anke fejn jidħlu l-istrutturi. Per eżempju, f’Malta hawn il-pixxina f’Tal-Qroqq imma f’Għawdex m’għandna xejn. Din kienet wegħda oħra fil-manifest elettorali li għamilt mistoqsijiet parlamentari dwarha, iżda qaluli li għadu prematur wisq biex wieħed ikun jista’ jagħti dettalji. Fi kliem ieħor, għalkemm tefgħuha fil-manifest elettorali għad m’hemm xejn maħsub għaliha jiġifieri tefgħuha biex ikunu tefgħuha! Pero’ l-Għawdxin qed jistennewha bil-ħerqa speċjalment id-dilettanti tal-waterpolo li sfortunatament jistgħu jipprattikaw l-isport tagħhom fis-sajf biss. F'Malta hawn ukoll is-swimming promotion unit imma aħna m’għandniex. Ir-rwol ta’ din il-unit huwa li tippromwovi l-isport ta’ l-għawm. Dan jagħmel sens għax aħna mdawrin bil-baħar u allura din tidderieġi lill-atleti f’din il-linja. Irridu ngħidu wkoll li l-għawm għandu benefiċċji terapewtiċi għal ħafna injuries. Dan ifisser li l-Għawdxin iridu jew imorru f’xi pixxina privata jew inkella joqogħdu jistennew is-sajf biex jagħmlu l-exercises fil-baħar għax il-Maltin għandhom il-pixxina f’Tal-Qroqq. L-istess meta naraw il-grant tal-pixxina nazzjonali li tammonta għal Lm80,000. Din hija xi ħaġa tajba però meta aħna l-Għawdxin naraw li hemm daqshekk eluf ivvotati għall-faċilitajiet sportivi f'Malta, u għalina m’hemm xejn, inħossuna daqsxejn retrogradi fil-konfront tagħkom. Fis-sajf ġieli nara ż-żgħażagħ jagħmlu t-tlielaq bejniethom biex jieħdu pjaċir imma min jifhem jgħidlek li hemm it-talent. Għalhekk hija ħasra li ma jistgħux jiżviluppaw dan it-talent għax m’għandhomx il-faċilità. L-istess fejn tidħol l-atletika. Malta ġġib ħafna medalji fl-atletika pero’ f’Għawdex¸ minkejja li għandna t-talent ukoll - dan nistgħu narawh fl-isports day - id-dilettanti ta’ dan l-isport m’għandhomx track. Tara ħafna nies jagħmlu t-training tagħhom fit-toroq jew fil-korsa taż-żwiemel ta’ Xħajma, bir-riskju li jista’ jweġġa’ xi ħadd. L-istess ngħid fil-każ tal-korsa taż-żwiemel. Jekk tara l-korsa tal-Marsa u l-korsa ta’ Xħajma ssib li m'hemmx paragun. Waħda qisha palazz lussuż u l-oħra qisha xi għorfa tal-bhejjem. Din kienet proġett tas-snin tmenin, jiġifieri bħala struttura qiegħda hemm, però tinsab f’telqa kbira. Huwa veru li s-sena l-oħra l-ministeru għal Għawdex irranġalna t-track u għamel xi xogħlijiet 'l hawn u 'l hemm però dan mhux biżżejjed. Fil-korsa la hemm dwal u lanqas hemm seatings fejn joqogħdu n-nies u l-istalel huma kkundannati, jiġifieri min ipoġġi l-bhima tiegħu hemmhekk litteralment ikun qed jirriskja li jaqa’ s-saqaf fuqha.
Sur President¸ il-vot ta' Lm500 li semmejt l-ewwel huwa allokat għat-tiġrijiet tradizzjonali li jsiru fit-toroq u mhux għall-korsa. Kulma ħa l-kumitat għall-korsa huma Lm100, u dawn ħadhom bħala għaqda non-governattiva. Hija ħasra li għandna l-istruttura u ma neħdux ħsiebha għax wara kollox din swiet eluf kbar ta’ liri, u dawn l-eluf kbar ta’ liri ħariġhom il-poplu minn butu. Il-kumitat diġà tkellem mal-ministru u esponielha l-problemi li għandu, però ma ġara xejn. Id-dilettanti tagħna qegħdin iħossu din id-differenza fit-trattament, speċjalment dawk li jmorru l-korsa tal-Marsa. Lil dawn in-nies ma tagħtihomx tort, għax filwaqt li fil-Marsa hemm il-lighting u l-aċċessorji kollha, f'Għawdex m’għandna xejn. Din hija ħasra għax il-potenzjal tal-korsa huwa kbir. Ta’ min jgħid ukoll li l-korsa taż-żwiemel qed tkun frekwentata ħafna mit-turisti, u ħafna mill-attendenza tkun daparti tat-tfal għax hemm ħafna tfal dilettanti tal-ponies u jmorru jtellquhom hemmhekk. Sur President, fl-aħħar nixtieq nitkellem ftit fuq is-settur tal-kultura. Għalkemm pajjiżna huwa għani fl-istorja u għalkemm il-poplu Malti u Għawdxi huwa poplu intelliġenti, kemm nistgħu ngħidu li aħna poplu kolt? Huma ħafna li jattendu l-wirjiet u x-shows però kemm nistgħu ngħidu li dawn in-nies li jattendu għall-wirjiet u għax-shows verament ikunu qed japprezzaw dak li jaraw u dak li jisimgħu? Per eżempju, jien naf ħafna li jakkwistaw il-pittura, però ħafna minnhom iħarsu lejn dak l-akkwist tal-pittura bħala investiment, mhux għax japprezzaw id-daqqa tal-pinzell jew il-perspettiva, far from it! Sur President, irridu naħdmu wkoll biex indaħħlu t-trend kulturali, mhux biss bħala xi ħaġa relatata ma’ l-istatus - għax li tmur l-opra llum l-ġurnata hija xi ħaġa relatata ma’ l-istatus, anke meta tmur wirja biex turi li taparsi inti kolt – imma bħala xi ħaġa relatata ma’ l-apprezzament artistiku fl-aktar sens wiesa' tiegħu. L-apprezzament tal-kultura jrid jiddaħħal fiż-żgħar. Per eżempju, hija ħaġa tajba li l-ġenituri jieħdu lit-tfal tagħhom biex jaraw il-mużewijiet u l-wirjiet u joqogħdu jispjegawlhom. Hija ħaġa tajba li waqt il-ħin ta’ l-iskola jieħdu lit-tfal jaraw wirja u minbarra l-għalliem ikun hemm xi ħaddieħor li joqgħod jispjegalhom. Preferibbilment ikun hemm l-artist innifsu li jispjegalhom anke l-ħsieb ta’ wara l-wirja, mhux sempliċement jaraw u jispjegalhom il-kuluri. B’hekk inkunu qegħdin inqarrbu l-poplu lejn il-kultura fil-grass roots. F’dan is-sens naħseb li wasal iż-żmien li jkun hemm aktar koordinazzjoni bejn id-diversi għaqdiet, kumitati jew organizzaturi privati, id-dipartiment tal-kultura, il-ministeru u l-kunsilli lokali. Per eżempju¸ hemm bżonn li nikkoordinaw ftit il-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna. Dan qed ngħidu għax għandek ċertu żmien fejn ikollok attività wara l-oħra u bilkemm tkun tista’ tlaħħaq magħhom, imbagħad ikollok perijodu ta’ żmien fejn ma jkun hemm attivitajiet ta’ xejn. Min-naħa l-oħra, dan l-aħħar kien hemm żewġ opri f’Għawdex, l-Otello u l-Barbiere di Seviglia, li kien hemm gap ta’ xahar bejniethom. Imbagħad l-għada li saret il-Barbiere di Seviglia kien hemm il-Hamlet fil-Manoel Theatre. Naħseb li kieku dawn saru aktar qrib ta’ xulxin, fl-istess ġimgħa, kien ikun hemm lok li nattiraw anke dilettanti ta’ l-opra minn barra għax dawn jiġu għal ġimgħa holiday u waqt li jkunu hawnhekk ikunu jistgħu jaraw tliet opri f’daqqa. Ma rridux nissottovalutaw l-opri tagħna għax huma opri ta’ livell u fihom jipparteċipaw ħafna artisti barranin. Il-fatt li jipparteċipaw l-artisti barranin jista’ jkun anke an attraction factor. B’dan il-mod inkunu qed nattiraw anke t-turiżmu lejn pajjiżna. Però biex isir dan irid ikun hemm aktar koordinazzjoni bejn il-gvern u t-teatri biex jaħdmu flimkien. Jekk ikollok l-opra u ma jkollokx il-backing tal-gvern ma tantx tista’ tagħmel wisq. Per eżempju, jekk naħdmu fuq pakkett attraenti nkunu qed nattiraw it-turisti speċjalment fil-low season. Dan iħalli qligħ għat-teatri, għal min jorganizza l-opra u għall-ekonomija in ġenerali. Forsi minflok żewġ opri jew tlieta fis-sena jkollna erbgħa jew ħamsa. Kif għedt, biex isir dan irid ikun hemm l-għajnuna, u dan jgħodd l-iktar għat-teatru Astra f’Għawdex għax minn meta nħakem min-nirien ma tantx jista’ jiffunzjona wisq. Hawnhekk nieħu l-okkażjoni biex inħeġġeġ lill-gvern ħalli jipprovdi l-għajnuna tiegħu. Xi ħaġa oħra li l-gvern għandu jaħseb dwarha hija dik li jinkoraġġixxi l-kultura assoċjata mal-baħar u kull tip ta’ attivitajiet oħra fejn nistgħu nużaw ir-riżorsi tagħna. Per eżempju, hawnhekk nista’ nsemmi ż-żfin fil-baħar. Iż-żfin f’Malta akkwista ċerta importanza u tara ħafna tfajliet iridu jiżfnu imma rridu nsibu n-niċċa tagħna. U ż-żfin fil-baħar huwa wieħed minnhom. Għall-grazzja ta’ Alla pajjiżna huwa rich ħafna fir-riżorsi naturali u għandna nisfruttawhom. Per eżempju, fl-Eġittu jsir spettaklu fuq in-Nil bil-piramidi in the background. Naħseb li aħna nistgħu nagħmlu spettakli simili. Ftit snin ilu kien sar spettaklu bil-background tal-Ġgantija madwarek li kien spettaklu sabiħ ħafna. Dan is-sajf f’Għawdex kien hemm spettaklu ieħor tal-body art fil-bajja ta’ Marsalforn, bit-torri warajk u kien hemm xenarju mill-isbaħ. Jien nemmen li dawn huma ideat innovattivi li jkollhom ċertu effett u li nistgħu nattiraw in-nies lejhom. Sur President, jeħtieġ ninkoraġġixxu lill-artisti tagħna mhux biss bl-għajnuna finanzjarja imma anke permezz ta’ l-exposure kemm f'Malta kif ukoll barra. Huwa mportanti li jsir aktar reklamar u li l-artisti Maltin jipparteċipaw aktar fil-festivals internazzjonali, jew f'wirjiet ta’ artisti barra minn Malta . Jeħtieġ jiġu aktar artisti barranin jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom hawnhekk biex ikun hemm culture exchange. B’dan il-mod, kemm l-artisti tagħna jkunu qed jibbenefikaw u kemm il-poplu Malti in ġenerali, għax mhix xi ħaġa ta’ kuljum li jkollok esebizzjoni ta’ xi pittur barrani f'Malta. Dan l-aħħar ġie maħtur il-kunsill tal-kultura f'Għawdex li kien ilu wieqaf minn qabel l-elezzjoni, però s’issa għadu ma ltaqa’ qatt. Naf ukoll li l-kunsill tal-kultura Għawdxi fih ukoll nies Maltin pero’ rridu nistennew biex naraw xi proposti se jkollhom. Hija ħasra li fin-nuqqas tal-kunsill tal-kultura ma kienx se jsir iċ-Cittadellafest li huwa avveniment li kien daħal sew fil-kalendarju kulturali tagħna. Però, grazzi għall-intervent tas-soċjetà Leone, iċ-Cittadellafest sar taħt l-awspiċi tagħhom. Għalhekk dan qisu ħareġ mill-attivitajiet tal-gvern u waqa’ taħt is-soċjetà Leone. Ħaġa pożittiva wkoll hija li dan l-aħħar ġie ntrodott l-implementation commitee li r-rwol tiegħu huwa li jimplimenta l-proposti tal-kunsill. Ovvjament din l-organizzazzjoni tieħu ħafna ħin u enerġija. It-talent mużikali f’Għawdex huwa kbir ukoll iżda m’għandniex faċilitajiet u opportunatijiet. Iċ-chamber music qed issir popolari wkoll u għandna diversi bands li qed jippromettu ħafna. Għandna l-Gozo youth orchestra u l-Gozo youth band, però kemm jieħdu fondi dawn? Żgur mhux Lm235,000, daqskemm tieħu l-orkestra nazzjonali! F’Għawdex għandna problema kbira għax għandna t-talent però ftit għandna għajnuniet. Sur President, xi ħaġa li tħoss f’Għawdex hija l-fatt li m’għandekx poplu kolt. Għandna wkoll nuqqas ta’ tiżjin fit-toroq, u hawnhekk jidħol ir-rwol tal-workshop art f’postijiet pubbliċi li saret popolari ħafna f’ċerti bliet Ewropej. Per eżempju, jista’ jkollok xi artist li jipprovdi x-xogħol tiegħu biex jiġi esebit f’post pubbliku b’mod permanenti. Dan, minbarra li jkun qed jirrifletti l-effett estetiku jkun qed jirrifletti wkoll il-kultura. Nemmen ukoll li wasal iż-żmien li jkollna l-gallerija ta’ l-arti biex l-artisti tagħna jkollhom post fejn jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom. Dan diġà qed isir f’diversi stabbilimenti privati u qed jintlaqa’ tajjeb, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Hawnhekk nixtieq naċċenna ftit għaż-żgħażagħ u l-kultura. F’Għawdex qed ninnotaw li l-attendenza taż-żgħażagħ għall-attivitajiet kulturali qed tvarja minn attività għall-oħra. Jiddependi jekk l-attività tkunx organizzata minn xi ħadd privat jew inkella mid-dipartiment tal-kultura. Qed jirriżulta li kulma qed jagħmel id-dipartiment tal-kultura huwa li jibgħat l-inviti lil ċerti nies u jwaħħal xi poster 'l hawn u 'l hemm, u tispiċċa bl-istess erbgħa min-nies iduru ġo xulxin. Fil-fatt f’ċerti attivitajiet dejjem l-istess nies ikun hemm. Naħseb li wasal iż-żmien li jekk ikollok pakkett trid tagħraf tbigħu imma hemm ħafna x’isir. Per eżempju, fis-sala tal-ministeru qed isiru esebizzjonijiet, però trid tara x’tip ta’ esebizzjonijiet isiru, għax inkella se jkollna ħafna amalgamazzjoni u ma jkun hemm speċjalizzazzjoni ta’ xejn. Dan l-aħħar kien hemm wirja li la taf jekk hijiex tal-pittura, la taf jekk hijiex ta’ l-iskultura u lanqas taf jekk hijiex ta’ l-agrikoltura, għax kien hemm tliet affarijiet amalgamati ma’ xulxin. Għalhekk naħseb li fil-venues fejn ikollok dawn it-tip ta’ wirjiet għandu jkun hemm selective body biex għallinqas jiddeċiedi meta jsiru dawn il-wirjiet u mhux kollox f’daqqa u ħadd ma jkun jaf x’ikun qed jiġri. Sur President, ħaġa oħra li tista’ ssir hija aktar koordinazzjoni ma’ St James Cavalier li huwa dinamiku ħafna. Però meta niġu għall-kultura f’Għawdex ma nistgħu ngħidu li aħna dinamiċi xejn. Għalhekk jekk tittella’ wirja f'St James Cavalier għandhom isiru arranġamenti biex l-istess wirja tittella’ f’Għawdex ukoll ħalli jgawdiha l-poplu Għawdxi wkoll. Nixtieq insemmi ftit ukoll l-ischool of fine arts. Dan l-aħħar din l-iskola qed tattira ħafna nies però qed jinħass il-bżonn ta’ management aktar professjonali u kwalifikat. Naħseb li wasal iż-żmien li l-iskejjel ta’ l-arti, drama u mużika jiġu amalgamati f’ċentru wieħed. Sur President, qed jinħass ukoll il-bżonn ta’ ċentru kulturali f’Għawdex biex l-artisti jkollhom fejn jiltaqgħu u jesprimu l-opinjonijiet u l-ideat tagħhom. Jista’ jkun li l-post ideali huwa l-iskola primarja ta’ Vajrinġa li għandha s-sala, jiġifieri għandha l-istruttura lesta. Din qed isemmuha wkoll il-librara li għandhom problema fil-biblioteka pubblika. Finalment nixtieq ngħid li l-gvern jista’ jkollu rwol ta’ motivatur, speċjalment f’dan il-qasam. Però biex timmotiva lil ħaddieħor inti trid turi li inti motivat ukoll. Min-naħa ta’ l-oppożizzjoni kellna ħafna tamiet, però ma tantx qed naraw gvern proattiv. Qed naraw gvern xott mill-ideat, dejjem bl-istess retorika u dejjem jipponta subgħajh lejn l-oppożizzjoni għall-kritika li tagħmel. F’dan il-ftit ħin li kelli, apparti li għamilt xi kritika, ipprovajt inressaq xi ideat li nixtieq li jiġu kkonsidrati biex ma nibqgħux dejjem b’din l-idea li l-oppożizzjoni tikkritika, tikkritika u ma jkollhiex ideat. Aħna qegħdin fl-oppożizzjoni u l-ideat inħalluhom għal meta nkunu fil-gvern. Jien nifhem il-limitazzjonijiet dwar ċerti ideat, però huwa healthy li ssir il-kritika min-naħa tagħna. Aħna qegħdin hawn biex niddjalogaw għax qegħdin f’soċjetà demokratika. Però sfortunatament qed jiġri - dan mhux biss f'dan is-settur imma fid-diskussjoni in ġenerali - li dak li tgħid l-oppożizzjoni jiġi redikolat, qisu aħna qed nagħmluhom id-dnubiet. Jien nemmen li jekk il-gvern jaċċetta l-kritika tagħna u jeħodha bi spirtu tajjeb ikollna relazzjoni aħjar bejnietna f’dan il-parlament u nkunu nistgħu naħdmu aħjar fl-interess tal-poplu. Nirringrazzjak. |
||||
|
©
2007 - Justyne Caruana
|