Diskors tal-Budget rigward il-Ministeru ghal Ghawdex nhar 12.12.03

ONOR. JUSTYNE CARUANA:   Sur President, l-ewwelnett nixtieq nibda d-diskors tiegħi billi nawgura fejqan ta’ malajr lill-Onor. Anton Tabone biex kemm jista’ jkun malajr jerġa’ jkun fostna hawnhekk.  Nixtieq  nirringrazzja wkoll lill-Onor. Anton Refalo għad-diskors eżawrenti u estensiv li ngħid li huwa tajjeb li kultant ikollna Gozomorning ħalli nkunu nistgħu niddiskutu l-problemi ta’ gżiritna.  Qed ngħid hekk għaliex sfortunatament  iktar ma jgħaddi ż-żmien l-affarijiet f’Għawdex  qed jitħallew fuq l-ixkaffa u l-problemi ta’ l-Għawdxin qed jiġu njorati.   Meta smajt lill-prim ministru jitkellem irrealizzajt kemm il-gvern huwa maqtugħ  mir-realta’ jew altrimenti qiegħed jipprova jaħrabha għaliex ir-realta’ hi li f’Għawdex għandna l-problemi speċifiċi tagħna.  Naf li qabel l-elezzjoni  saret ħidma intensiva mill-partit Nazzjonalista fuq Għawdex ovvjament biex jakkwista l-voti u naf ukoll  li saru ħafna wegħdiet,  li wħud minnhom twettqu, uħud twettqu għal ftit żmien u  oħrajn tpoġġew ftit fuq l-ixkaffa forsi sakemm tasal elezzjoni oħra.  Pero’ issa rridu nħarsu ‘l quddiem u naraw x’effetti kellhom  il-pjaċiri li saru  u min se jġorr il-piż ta’ dawn il-pjaċiri.    

Meta wieħed iħares lejn il-budget li ressaq dan il-gvern jinduna li minflok ipprova jindirizza l-veru problemi, żied it-taxxi diretti u  indiretti.  Issa  dawn it-taxxi se jbatihom il-poplu kollu u mhux min gawda mill-pjaċiri biss.  Smajt  lill-Onor. Dalli jgħid li issa rridu nikkontrollaw l-abbużi. Dawn l-affarijet issa qed jingħadu  għaliex għaddiet l-elezzjoni u dak li kellna nieħdu mill-poplu ħadnih? Il-verita’ hija li s-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż hija tal-biki u jekk wieħed jidħol ftit  f’qoxortu jammetti wkoll li hawn ċertu kawża ta’ allarm ukoll.  Sfortunatament it-tattika tal-gvern qed tkun li meta l-oppożizzjoni tipprova tiġbidlu l-attenzjoni u tikkritikah jgħid li qed inbeżżgħu lin-nies, qisna qed inbeżżgħuhom bil-babaw. Jekk għal xejn,  jiena nammira lill-gvern għall-ottimiżmu li għandu, pero’ jekk irridu nkunu realistiċi rridu nneħħu l-maskra  u nammettu li għandna l-problemi.  Jiena  ma nippretendix li l-ministru għandha s-soluzzjoni għal kull problema jew il-poter li ssib soluzzjoni għal kollox, pero’ almenu  dak li jingħad mill-oppożizzjoni  m’għandux jaqa’ fuq widnejn torox.   Wara kollox aħna qed nagħmlu d-dover tagħna  u nippretendu Ii meta niġdbu l-attenzjoni u  nagħmlu l-kritika tagħna jkun hemm reazzjoni.  

Mr Chairman, jien ngħid  li l-ikbar problema f’Għawdex – u m’iniex se noqgħod nirrepeti dak li qal l-Onor. Anton Refalo – huwa l-qgħad.  Naħseb li lkoll naqblu li s-sitwazzjoni fil-pajjiż bħalissa hija  diffiċli għal kulħadd, pero’ nixtieq nesprimi l-preokkupazzjoni tiegħi b’mod partikolari għal dak in-numru ta’ żgħażagħ li sfaw mingħajr impjieg u li sfortunatament iktar ma jgħaddi ż-żmien dan in-numru  iktar qed jikber.   Il-problema tal-qgħad f’Għawdex  tinħass iktar minħabba ċ-ċokon tagħna u minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet li għandna u għalhekk ir-riperkussjonijiet u l-effetti tas-sensji li ngħataw mill-elezzjoni ‘l hawn jinħassu iktar. Jekk tagħlaq fabbrika u tkeċċi 100 ruħ, l-effetti ta’ dawn is-sensji jinħassu wkoll.  Jiena nemmen li l-gvern qiegħed jonqos mill-wegħdiet li kien għamel qabel l-elezzjoni meta kien jgħid li se jkun hawn xogħol għal kulħadd tant li x-xogħol se jibda jiġri wara n-nies!    

Il-gvern qed jonqos milli jindirizza l-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ taħt it-30 sena u l-iktar ħaġa li ddejqek hija din iċ-ċerta apatija li teżisti u  din il-pretensjoni li kollox miexi tajjeb.  Huwa veru li t-tajjeb trid tgħidlu tajjeb, pero’ jekk  għandek il-ħażin trid tammetti li għandek il-ħażin biex tkun tista’ tindirizzah. Sfortunatament minflok ma  l-gvern qed jipprova jindirizza  l-problema qed jipponta subgħajh lejn l-oppożizzjoni u jgħidilna li qed ngħaġġbuha, li qed inbeżżgħu lin-nies,  li aħna pessimisti u li dejjem naħsbu  fid-doomsday, meta fil-fatt dan mhuwiex il-każ.  Il-gvern  għandu jammetti li għandu l-problemi u jindirizzahom.  Mill-esperjenza personali nista’ ngħid li ma tgħaddix ġurnata li ma jiġix xi ħadd u jitlobni biex insiblu x-xogħol, uħud minnhom anke nies li jkollhom piżijiet ta’ loans fuq id-djar. X’għandu  maħsub il-gvern għal dawn iż-żgħażagħ? Kif jista’  jgħid li m’għandux problemi ta’ qgħad meta hawn  daqshekk karba għax-xogħol?  

Fir-risposta tiegħu għad-diskors tal-kap ta’ l-oppożizzjoni, il-prim ministru qagħad jilgħab  bl-istatistika li ppreżenta l-kap ta’ l-oppożizzjoni pero’ b’dawn l-affarijiet ma tistax toqgħod tilgħab.  X’se jiġri minn dawk iż-żgħażagħ li għadhom kemm iggradwaw?  X’garanzija għandhom li se jsibu xogħol relatat ma’ l-istudji tagħhom jew għallinqas li jsibu xogħol li jkunu overqualified għalih?   Kemm minn dawk iż-żgħażagħ Għawdxin li ggradwaw se jsibu xogħol f’Għawdex?  Ir-realta’ hija li ż-żgħażagħ Għawdxin m’għandhomx wisq bibien xi jħabbtu, speċjalment f’Għawdex,  u għalkemm qabel l-elezzjoni saret  il-wegħda li iktar Għawdxin se jkollhom iktar opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex, illum qed jiġri bil-kontra għaliex iż-żgħażagħ tagħna qed jiġu  jfittxu x-xogħol hawn Malta . Qed jitilqu mid-dar u jiġu jħabbtu l-bibien ta’ min ma jafhomx f’Malta.  F’Għawdex forsi tkun taf lil xi ħadd li jkun jista’ jgħinek xi ftit, imma  jekk ma tkun taf lil ħadd hawn Malta  bibien magħluqa  ssib.  

Barra minn hekk, ma rridux ninsew li biex tiġi tgħix hawn   Malta trid tiffaċċja ċerti diffikultajiet, kemm jekk tkun student u kif ukoll jekk tkun ħaddiem.  Jiena ma tantx ili li ggradwajt u naf  mil-liema diffikultajiet għaddejt u x’piż kont fuq il-familja tiegħi.  Ma rridux ninsew li l-istudenti Għawdxin li jiġu  jistudjaw Malta huma piż fuq il-familja tagħhom għax l-ispejjeż li għandhom mhumiex biss dawk konnessi ma’ l-istudji tagħhom, bħalma għandhom sħabhom il-Maltin, imma għandhom spejjeż oħra ta’ akkomodazzjoni, spejjeż ta’ ikel u spejjeż ta’ ivvjaġġar. Per eżempju, kien pass pożittiv  li fl-estimi ta’ din is-sena kien hemm żidiet taħt l-items Gozitan student-workers subsidy u Gozitan accomodation subsidy in Malta .  Naf li din is-sena kien hemm diffikulta’ fuq il-pagamenti li  kienu b’xi xhur lura u mill-ministeru kienu jgħidulhom li  m’hemmx flus biżżejjed  minkejja li kien hemm il-flus ivvotati għalihom.   Forsi b’din iż-żieda  din il-problema ma terġax tirrepeti ruħha.  Pero’ mbagħad innotajt b’diżappunt li kien hemm tnaqqis fejn jidħlu allowances to Gozitan students following courses in Malta u minn hawn inħeġġeġ lill-ministru sabiex kemm jista’ jkun dawn l-allowances ikomplu jiżdiedu u mhux jonqsu għax il-ftit għajnuna tagħmel ħafna kuraġġ lill-istudent u d-diffikultajiet li jkollu jkun jista’ jissorvolahom.    

Mr Chairman, l-istudenti u l-ħaddiema Għawdxin  għandhom problema biex jivvjaġġjaw, kemm fejn jidħol it-trasport bl-art u kif ukoll fejn jidħol it-trasport bil-baħar.  B’sodisfazzjon ngħid li wara intervent tal-Ministru Ċensu Galea fil-bidu tal-Parlament, il-problema tar-rotta 45 ġiet solvuta - u minn hawn nixtieq nirringrazzjah - għax  in-numru ta’ vjaġġi fuq din ir-rotta żdiedu għall-benefiċċju ta’ l-Għawdxin.  Pero’ l-Ministru Austin Gatt  reġa’ tefagħna lura għax naqqas it-traġitti tal-GozoChannel,   dejjem għad-dettriment ta’ l-Għawdxin.  Issa sabiex nillaċċja l-argument,  b’sodisfazzjon kbir ngħid li  ż-żieda li reġa’ kien hemm fit-trips  la  saret  b’mertu  tal-Ministru Austin Gatt u lanqas taċ-chairman iżda saret b’mertu ta’ l-ispirtu kollettiv tad-deputati Għawdxin  kollha li qegħdin f’dan il-Parlament għaliex  kulħadd ta l-input tiegħu u flimkien ma’ Għawdxin oħra u ma’ korpi Għawdxin oħra wrejna d-diżappunt  tagħna għal din it-timetable ridotta.    

Kif qal tajjeb l-Onor. Anton Refalo, meta jkun hemm l-għaqda tista’ tinstab soluzzjoni għall-problemi ta’ l-Għawdxin u kif sar progress  f’dan il-każ jista’ jsir progress  f’affarijiet oħra.  Meta staqsejt lill-Ministru Austin Gatt x’konsultazzjonijiet saru u x’analisi saret biex sar it-tibdil fit-timetable qalli li kienet saret analisi u poġġa fuq il-mejda tal-Kamra ċerti ċifri pero’ l-fatt jibqa’ li la l-ministru għal Għawdex ma kienet ikkonsultata u wisq inqas dawk il-ħaddiema li jaqsmu kuljum minn Għawdex għal Malta.  Dan irriżulta wkoll waqt laqgħa li kienet  organizzata mill-GozoBusinessChamber fejn il-ministru pprovat tispjega għaliex kien  sar it-tibdil. Jien naħseb li l-konsultazzjoni trid issir qabel u mhux wara li jsiru l-affarijiet.

Aħna nafu li l-GozoChannel għandha problemi finanzjarji u problemi ta’ profitabilita’ pero’ qabel ma jsir l-eżerċizzju  ta’ l-ekonomija biex jitnaqqsu l-ħela u l-abbużi  li hemm  u l-kumpannija timxi ’l quddiem irridu nħarsu wkoll lejn l-interessi tal-ħaddiema li jaħdmu mal-Gozo Channel.  Barra minn hekk, ma  rridux ninsew li dan huwa servizz soċjali għall-Għawdxin.  Nesiġi  li l-wegħda li kienet saret mill-partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni li s-sussidji għall-Għawdxin fuq il-prezz tal-vapur mhux se jintmiss, tibqa’ tinżamm.  Naqbel ma’ dak li kien qal l-Onor. Anton Tabone li l-GozoChannel għalina l-Għawdxin qisha l-karozza tal-linja għaliex il-maġġoranza ta’ l-Għawdxin li jinżlu Malta jew jiġu għax-xogħol, jew biex jistudjaw jew biex jinqdew mill-isptarijiet f’Malta u ftit huma dawk li jinżlu biex jagħmlu shopping.     

Naħseb ukoll li  wasal iż-żmien li l-ġarr tal-bhejjem ma jibqax isir fit-traġitti li jkunu l-iktar frekwentati mit-turisti.  Dan l-aħħar mal-vapur ta’ l-4:30 p.m. li jkun mimli bit-turisti li jkunu ġejjin lura Malta wara ġurnata Għawdex kien  qed ikun hemm vannijiet  miftuħin bil-bhejjem u tista’ timmaġina l-irwejjaħ li jkun hemm! Problema oħra li teżisti hija li mal-vapur tas-6:00 a.m., speċjalment nhar ta’ Tnejn ġieli jkun hemm baqar u ngħaġ li jagħmlu l-bżonnijiet naturali tagħhom u ovvjament lil dawn ma tistax iżżommhom għaliex m’għandhomx sens u jkun hemm ħaddiema u studenti ġejjin Malta  għal ġimgħa b’xi baskett kbir u jispiċċaw jiċċappsu. Forsi  min qed jisma’ jaħseb li dawn l-affarijiet huma far-fetched pero’ jien ġieli kont preżenti u nista’ nassigura lil kulħadd li dawn l-affarijiet jeżistu u għalhekk hemm bżonn li nindirizzawhom anke għal skopijiet ta’ iġjene.  Mr Chairman, xtaqt ngħid xi ħaġa wkoll dwar it-trasport bl-ajru lejn Għawdex.    

Meta smajna li l-GozoAirCharter kien se jiġi terminat jien  kont staqsejt  għaliex se jiġi terminat u ftit wara dan il-kuntratt ġie estiż għal Ottubru ta’ l-2004 u  ħarġu l-callforapplications għas-servizz bl-ajru.  Pero’  ma ġiex speċifikat jekk is-servizz kienx se jkun  bit-team ta’ helicopters li għandna bħalissa jew xi tip ieħor, bħal, per eżempju, bil-fixedwing għaliex f’dan il-każ il-heliport ikollu jikber u  l-probabilita’ hija li ssir l-airstrip.  Nixtieq inkun naf  jekk ir-residenti ta’ dawk in-naħat ġewx konsultati jew inkella hux se jiġri bħal fil-każ tal-GozoChannel li l-ewwel isiru l-affarijiet imbagħad nitkellmu!  Ta’ min jgħid ukoll li f’”l-orizzont" ta’  nhar l-Erbgħa ġie rapportat li sar kuntatt mal-kummissjoni Ewropea u skond  ir-rapport maħruġ mill-istess kummissjoni ntqal li  jekk Għawdex irid jibbenefika minn fondi speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea ma jistax isir ċertu żvilupp, inkluża l-airstrip,  għaliex Għawdex jista’ jibbenefika minn  xi tip ta’ fondi jekk iżomm il-karatteristiċi agrikoli tiegħu li ovvjament m’humiex kompattibbli ma’ l-airstrip.  Nixtieq infakkar li l-kwestjoni ta’ l-airstrip  kienet qamet diversi snin ilu u n-nies kienu diġa’ esprimew ruħhom dwarha għaliex ħarġu jipprotestaw.    

It-trasport bejn il-gżejjer huwa vitali għalina l-Għawdxin u kif diġa’ għedt, mal-vapur tas-7:30 a.m. ikun hemm diversi nies li jkunu neżlin Malta biex jagħmlu xi trattament l-isptar,  jew għal xi testijiet jew biex jaraw xi speċjalista.  Kif qal l-Onor. Anton Refalo, xi wħud mit-testijiet ma jsirux fl-isptar ta’ Għawdex mhux għax m’għandniex  tekniċi tajbin imma għax  ħafna mill-makkinarju ma jiffunzjonax jew għandu bżonn xi tiswija li għadha ma saritx.  Saru diversi domandi parlamentari dwar l-istresstestmachine pero’ għalkemm ħarġu t-tenders il-magni għadhom ma waslux.   Ta’ min jirrimarka wkoll li filwaqt li l-vot għall-ministeru tas-saħħa huwa ta’ Lm4,208,000 għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hemm ivvotati biss ftit ikar minn Lm130,000. Meta nikkomparaw l-isptar ta’  Għawdex ma’ dak ta’ Malta nsibu li hemm baħar jaqsam u meta tqum xi kwestjoni fuq l-isptar ta’ Għawdex dejjem jgħidu li  m’hemmx flus.  

Dan l-aħħar mort inżur pazjenta fis-sala tan-nisa u tkażajt nara ħafna pazjenti nisa xjuħ fil-kurriduri.  Meta staqsejt qaluli li  qed ikollhom iħalluhom hemm għaliex għalkemm fir-residenza  Sant’Anna  hemm beddingcapacity  li tiflaħ iktar pazjenti m’hemmx staff biżżejjed għax m’hemmx flus u allura qed iħalluhom fil-ward tan-nisa bil-konsegwenza li n-nurses ta’ din is-sala mhumiex  ilaħħqu mal-volum ta’ xogħol li għandhom.  Jien nippretendi li meta issa lil dawn ix-xjuħ il-gvern se jibda jeħdilhom  60% tal-pensjoni talli jużaw is-swali tal-gvern, għallinqas jingħataw xi  ħaġa inreturn.  Dawn in-nisa xjuħ lanqas għandhom  privatezza għax iridu jaħsluhom u jbiddlulhom fil-kurriduri quddiem kulħadd!    

Mr Chairman, nixtieq ngħid xi ħaġa wkoll dwar l-iskejjel f’Għawdex.  Niftakar li meta  kont l-iskola jien kienu jgħidulna li l-istudenti Għawdxin kienu fost l-aħjar studenti ta’ Malta pero’ apparentement  is-sitwazzjoni qed tinbidel għax għandna ħafna tfal, speċjalment subien,  li qed ibatu mill-illiteriżmu.  Sfortunatament l-għeluq tat-tradeschools  kellu effett konsegwenzjali speċjalment fuq is-subien għax kien hemm min ma kienx kapaċi jaqra  u  jitgħallem, imma kien kapaċi imidd idejh għas-sengħa.  Huwa veru li teżisti l-MCAST pero’ biex  tidħol l-MCAST irid ikollok ċerti qualifications.    

Jiena wkoll kont preżenti fil-prizeday ta’ l-iskola Kelinu Galea u kif qal  l-Onor. Anton Refalo,  ma kien hemm l-ebda aċċenn li l-iskola kienet se  tingħalaq, anzi jien fhimt li kien se jsir investiment biex din l-iskola tkompli tikber.  X’ġara  Din l-iskola ngħalqet ħesrem u l-istudenti tefgħuhom fl-iskola Ninu Cremona ma’ l-oħrajn.  Saħansitra  kien hemm ilmenti mill-ġenituri għaliex  minħabba n-nuqqas ta’ spazju t-tfal kienu qed ipoġġuhom viċin it-toilets.   Meta għamilt domanda parlamentari lill-Ministu Galea, ma nnegax anzi  qalli li s-sitwazzjoni kienet se tiġi rimedjata pero’ sal-lum is-sitwazzjoni  għadha l-istess.  

Mr Chairman, għandna wkoll il-problema ta’ rata għolja ta’ teenagepregnancies, u hemm bżonn li din il-problema  nindirizzawha   b’kampanji ta’ edukazzjoni sesswali, jekk hemm bżonn anke individwali.  Teżisti wkoll  problema ta’ vizzji ta’ xorb u droga fl-iskejjel u fl-inħawi tal-madwar u għalhekk irridu  niffokaw iktar fuq l-inħawi ta’ madwar l-iskola biex it-tfal tagħna ma jkunux esposti għal dawn il-vizzji.  Xtaqt issa ngħid xi ħaġa wkoll dwar l-ambjent f’Għawdex.  

Kulħadd jgħid kemm hu ferħan bl-ambjent Għawdxi, pero’ sal-lum għadna ma sibniex soluzzjoni għall-problema tal-miżbla tal-Qortin.  Kienet wegħda tal-gvern li din il-miżbla kienet se tingħalaq imma s’issa   għadu ma sar xejn u filwaqt li aħna nsusu wara l-gvern biex josserva t-termini, irridu noqogħdu attenti li mhux nixxiftjaw il-problema billi minn naħa neħduha   naħa oħra għaliex b’dan il-mod ma nkunu solvejna xejn. Per eżempju, l-ambjent Għawdxi għandu karatteristika importanti fejn jidħol it-turiżmu li kif jaf kulħadd jilgħab rwol importanti fl-ekonomija tagħna.  Irridu nammettu li t-turiżmu tagħna  huwa staġjonali u hemm bżonn li jsir pjan biex Għawdex jiġi reklamat bħala destinazzjoni għalih.  Pero’ dan ma jistax isir jekk  il-GozoTouristAssociation tibqa’ ma tkunx rikonoxxuta mill-gvern ċentrali u jibqgħu għaddejjin il-battibekki kontinwi bejn il-GTA u l-MTA.     

Mr Chairman, xi ħaġa li lili ddejjaqni hija li fejn jidħol Għawdex qisu kollox jgħaddi bħallikieku qisna xi ċittadini tat-tieni  jew saħansitra tat-tielet klassi. Dan l-aħħar kien  hemm grupp ta’ tfajliet li wara l-ġurnata tax-xogħol tagħhom kienu qed jiġu Malta biex jagħmlu xi kors għas-sempliċi raġuni li l-Ministru Galea deherlu li  kien iktar vijabbli li jinżlu 30 ruħ Malta milli jitla’ bniedem  wieħed Għawdex biex jagħmlilhom dan il-kors!  L-istess ħaġa biex sajjied  jieħu d-diesel b’xejn, irid jinżel għalih Malta . Jien ma nistax nifhem kif bniedem Malti minn ġo ministeru  jirregola l-affarijiet li jsiru f’Għawdex.  Lanqas ministru li huwa nofsu Għawdxi  ma kien kapaċi jifhimna dwar il-kwestjoni tal-GozoChannel għaliex għamel dak li  għamel!    

Jiddispjaċini ngħid li  dan il-budget ma pprometta xejn fil-konfront ta’ l-Għawdxin u qed nistenna li l-ministru tagħtina r-risposti għall-queries li għandna.  Nagħlaq billi nħeġġeġ għal iktar għaqda u iktar djalogu ħalli l-problemi ta’ Għawdex nindirizzawhom  u nsolvuhom aħna l-Għawdxin għaliex  ma rridux iktar taptip  fuq daharna, imma rridu s-soluzzjonijiet.   Nirringrazzjak.
© 2007 - Justyne Caruana