Il-Gvern għandu jwettaq li jippriedka fejn tidħol l-ugwaljanza bejn is-sessi

L-Orizzont (06-02-2009)
Il-Partit Laburista ħeġġeġ lill-Gvern biex, jekk verament irid iwettaq dak li jippriedka fejn tidħol l-ugwaljanza bejn is-sessi, jinnomina mara fil-lista tan-nominazzjonijiet ta’ Malta għall-ħatra ta’ Mħallef fil-Qorti Ewropea. L-appell tal-Partit Laburista sar wara li b’dispjaċir kien innotat li għal darb’oħra pajjiżna qed jissemma fil-fora Ewropea b’mod negattiv ħafna fejn tidħol l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Il-Kelliema Laburista għall-Familja u Ugwaljanza, d-Deputata Laburista Justyne Caruana qalet li għat-tieni darba konsekuttiva, il-Kunsill tal-Ewropa rrifjuta li jaċċetta l-lista mressqa mill-Gvern Malti għan-nominazzjonijiet għall-ħatra ta’ mħallef biex jippresjedi fuq il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

 

 
Il-Gvern Malti ripetutament qed jibgħat lista ta’ nominazzjonijiet li fiha ma tiffigura ebda mara u dan bi ksur tal-prinċipji enunċjati mill-istess konvenzjoni u mill-Kunsill tal-Ewropa favur l-ugwaljanza u opportunitajiet indaqs indipendentement ukoll mis-sess.

Skond il-Gvern Malti ma hemmx nisa li jistgħu jiġu inklużi f’din il-lista u bir-raġun kollu l-Kunsill tal-Ewropa qed jirrifjuta milli jaċċetta din ir-raġuni bħala waħda ġustifikata. Dan meta f’pajjiżna għandna ħafna nisa fil-kamp legali li huma kapaċissimi u kompetenti sabiex jiġu nominati però l-Gvern qed joħloq ostakoli biex dan ikun jista‘ jsir u allura qed jimmina l-ugwaljanza bejn is-sessi u jimmina l-bilanċ tal-opportunitajiet, qalet Justyne Caruana.

Din il-ġimgħa stess il-Partit Laburista permezz ta’ Marie- Louise Coleiro Preca li hija r-rappreżentanta tal-Oppoż–izzjoni fid-delegazzjoni Maltija għall-Kunsill tal-Ewropa, saħaq fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi u li dan għandu jiġi salvagwardjat fl-aspetti kollha tiegħu.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Partit Laburista qed ħeġġeġ lill-Gvern sabiex jekk verament irid iwettaq dak li jippriedka, għandu jinnomina mara fuq din il-lista.

“Hekk ukoll għandu jas–sigura li d-drittijiet konnessi mal-ugwaljanza għandhom jiġu mwettqa u mħarsa f’kull qasam u livell iktar u iktar fid-dawl tal-istatistika maħruġa mil-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Gender Equity Index fejn l-‘istatus’ tal-mara Maltija qiegħed kull ma jmur jiddeterjora b’detriment mhux biss tas-sess femminili f’pajjiżna imma tas-soċjetà in ġenerali”, qalet Dr Justyne Caruana.
© 2009 - Justyne Caruana