kbira biex mit-terminal jew minn tal-linja tinżel għal vapur għandek passaġġ li huwa mikxuf u espost
Jien nistaqsi, meta ġej dan l-imbierek ta’ terminal taċ-Ċirkewwa. Ilna snin twal nistennewh dan – ma nafx kemm-il darba reġa’ ġie ridimensjonat, daqqa għal raġuni u daqqa għal oħra. Il-fatt jibqa’ li mingħajru għadna, u min jaf kemm baqgħalna u fil-frattemp, il-poplu għaddej b’dan l-inkonvenjent kollu.
Ix-xita kollha li għamlet kellha ukoll effett fuq l-istat tat-toroq. Ta’ min jgħid li t-toroq f’Għawdex diġà kienu fi stat qishom tat-tielet dinja, u allura b’dik ix-xita kollha ġejna koppi iktar milli konna.
F’Malta sar u għadu qiegħed isir programm ta’ manutenzjoni u anke f’Għawdex, ukoll għamlu xi ħaġa, iżda ta’ min jinnota kif l-affarijiet qegħdin isiru. Filwaqt li f’Malta ix-xogħol qiegħed isir b’ċertu sens u qiegħda tintuża taħlita ta’ asfalt li hija aktar b’saħħitha, f’Għawdex qegħdin jużaw tip ta’ taħlita oħra, li hija bbażata fuq l-ilma. B’konsegwenza ta’ dan, allura, kull fejn sar xi ftit xogħol f’Għawdex, meta reġgħet għamlet ix-xita dan inqala’ kollu.
Mingħajr ma taf hi stess, dan ikkonfermatu l-Ministru għal Għawdex meta rrispondiet għal xi Mistoqsijiet Parlamentari li jiena għamilt rigward xi toroq. It-toroq huma Triq Sannat, fis-Sannat, u Triq il-Mitħna, fix-Xewkija. Meta jien staqsejt meta sa ssir il-manutenzjoni ta’ dawn it-toroq, il-Ministru – biex mingħaliha ħa tagħlaqli ħalqi – qaltli li l-manutenzjoni kienet diġà saret u semmietli iktar minn data waħda meta saru x-xogħolijiet.
Fil-fatt, veru li sar xi ‘patching’ fuq fuq, fi ġranet differenti, imma kif għidt ma l-ewwel xita li għamlet inġarr kollox u, allura, il-ħofor reġgħu infetħu u kien għalhekk li l-manutenzjoni saret iktar minn darba. Madankollu, meta reġgħet għamlet ix-xita reġa’ kollox agħar milli kien. Meta għamilt il-mistoqsijiet, jien għamilthom rigward l-istat attwali tat-toroq, wara li sar dak il-‘patching’ u li nġarr mix-xita, u allura, l-inkonvenjent li kien hemm qabel għadu hemm għax appuntu, ix-xogħol ma sarx kif suppost.
Hawnhekk toħroġ id-differenza bejn kif isiru l-affarijiet f’Malta u kif isiru f’Għawdex. Hawnhekk kollox jgħaddi u kollox isir ta’ fuq fuq, biex taparsi jkun sar. Dan bħal ma ġara għall-‘incubation centre’, f’Għajnsielem.
Wara tant snin nisimgħu dwaru, dan fl-aħħar tlesta, iżda fi żmien ftit xhur dan imtela kollu konsenturi u ħarġu difetti strutturali kbar li jiswew eluf ta’ ewro. Ma nistax nifhem imbagħad, kif ikun hemm il-Gvern li joħroġ jiftaħar dwar kemm għandu għal qalbu lil Għawdex, biex imbagħad qiegħda toħroġ froġa wara oħra, li huma tal-mistħija.