lllum għandna liġi ċara li tipprovdi l-protezzjoni lill-vittma u saħansitra tiddelega lill-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza biex tkun l-istess kummissjoni li tressaq il-każ quddiem il-Qrati kompetenti.
Però biex din il-liġi taħdem aħjar u biex il-vittma tħossha iktar protetta, hemm bżonn li din il-liġi tiġi riveduta u msaħħa.
Minkejja li għandna nisa kapaċissimi xorta waħda fuq livelli internazzjonali, fil-‘gender equity index’, sena wara l-oħra Malta dejjem qiegħda taqa’ lura.
Mir-rapport li toħroġ l-NCPE ta’ kull sena jirriżulta ukoll li minkejja l-isforzi kollha xorta waħda għad baqa’ l-ikbar ġlieda li hija dik tal-kultura u l-mentalità ta’ l-isterjotipi.
Żgur li f’dan il-qasam l-edukaturi kollha f’pajjiżna għandhom rwol kruċjali ħafna u allura huwa importanti ferm li l-kurriklu jinkludi iktar edukazzjoni favur l-ugwaljanza.
Dr Caruana qiegħda tħeġġeġ lill-Gvern biex jieħu pożizzjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar iż-żieda fil-‘maternity leave’ kif ukoll jiġu riveduti l-‘parental leave’ biex ikunu ta’ inċentiv biex iktar missierijiet jibqgħu d-dar jieħdu ħsieb it-tfal biex jagħtu ċans lill-mara tavvanza fil-karriera tagħha u ma titlifx opportunitajiet ta’ promozzjonijiet minħabba l-assenza tagħha minn fuq il-post tax-xogħol.
Il-‘family friendly measures’ għandhom jissaħħu u għandu jimxi lejn iktar konverġenza bejn is-settur pubbliku u dak privat fejn dan tal-aħħar għandu jkun mgħejjun biex iktar ‘family friendly measures’ jiġu ntrodotti fuq il-postijiet tax-xogħol.
Skont studji li saru, pożizzjoni ta’ inugwaljanza fil-familja jistgħu ukoll iwasslu għall-vjolenza domestika.
Filwaqt li nesprimu s-solidarjetà tagħna mal-vittmi tal-vjolenza domestika, nagħmlu appell qawwi lil dawk kollha li fis-silenzju ta’ djarhom qegħdin isofru minn din il-pjaga biex jagħmlu l-kuraġġ u joħorġu minn dan iċ-ċirku vizzjuz, qalet id-Deputata Laburista Justyne Caruana.
Fl-istess waqt, iżda inħeġġu lill-Gvern biex jinvesti iktar fl-entitajiet, għaqdiet u strutturi involuti f’dan il-qasam tant delikat biex il-vittmi jsibu l-għajnuna kollha li jeħtieġu u b’hekk iktar vittmi jagħmlu l-kuraġġ biex jitilqu mill-ambjent ta’ vjolenza li jkunu qegħdin jgħixu.
B’hekk iserħu rashom li se jsibu kull għajnuna għalihom u għall-uliedhom biex jgħixu ħajja aħjar kif inhu xieraq.
Fl-aħħarnett Justyne Caruana awgurat lin-nisa kollha ta’ pajjiżna li huma pilastru importanti u sod għas-soċjetà kollha u għall-pajjiż. |